Is-Sibt filgħaxija Hibernians għelbu lill-Żebbuġ 2 – 0 biex b’hekk ir-ritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Balzan li saħansitra waslet ukoll għal bidla fit-tmexxija tat-tim minn Raħal Ġdid b’Silvio Vella jerbaħ l-ewwel tlett punti.
Kif mistenni kienu t-tim ta’ Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva iżda kellna nistennew sal-14 il-minuta biex assistejna għall-ewwel azzjoni tal-partita li iżda waslet mit-tim ta’ Zebbug Rangers meta Stefan Jankovic kellu konkluzzjoni angolota li kienet salvata mill-goalkeeper Justin Haber.
Hibernians marru fil-vantaġġ fl-azzjoni sussegwenti meta fil-39 minuta kien Travis Bartolo li wettaq fowl fil-kaxxa fuq Joao Vitor De Oliveria Florencio, bir-referi Andrea Schriha jordna penalty, filwaqt li keċċa lill-Travis Bartolo. Mill-11 il-metru Jake Grech poġġa lill-Hibernians fil-vantaġġ għal 1 – 0 sal-intervall.
Minuta mil-ftuħ tat-tieni taqsima kienu Żebbuġ li pruvaw jagħmlu reazzjoni meta kien Stefan Jankovic li mill-ġdid impenja lill-goalkeeper Justin Haber.
Erba’ minuti wara kienu Hibernians li wieġbu permezz ta’ xutt ta’ Jurgen Degbariele, bil-goalkeeper ta’ Żebbug Julian Azzopardi salva periklu serju.
Mas-siegħa loghob Hibernians għamlu l-iskor 2-0 meta kien Jurgen Degabriele li rċieva ballun u wara li bidel ma’ Jake Grech, dan tal-aħħar fajjar xutt fil-baxx li spiċċa fix-xibka wara l-goalkeeper Azzopardi.
Minn hawn il-quddiem Hibernians ikkontrollaw biex rebħu l-konfront 2 – 0.
Referee: Andrea Schriha
Plejer tal-logħba: Jake Grech (Hibernians)