Doppjetta personali tal-iskorer prolifiku internazzjonali Malti Jurgen Degabriele ikkastigat lil Mosta, hekk kif Hibernians għelbu lill-Blues, bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
Kienu Mosta li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta xutt tad-debuttant Ferebory Dre ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper veteran tal-Pawlisti, Justin Haber.
Hibernians wieġbu fit-22 minuta u fetħu l-iskor meta f’azzjoni veloċi, Gabriel Mensah għadda tajjeb lejn Jurgen Degabrielle li mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Mosta reġgħu ħolqu l-periklu fid-39 minuta permezz ta’ freekick insidjuż tal-ispeċjalista Clayton Failla li għadda ftit barra.
Madankollu, kienu l-Pawlisti li bdew jipproduċu l-isbaħ logħob u żewġ minuti biss wara, Jurgen Degabriele indirizza freekick li sab lil Ferdinando Apap li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi salvata tajjeb mill-goalkeeper ta’ Mosta, Ini Etim Akpan.
Il-ftuħ tat-tieni taqisma kien wieħed ferm kwiet u nieqes minn kull emozzjoni. Dan sat-73 minuta meta xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Jurgen Degabriele għadda għoli.
Iżda l-istess Jurgen Degabrielle ma kellux ifalli sitt minuti wara meta huwa venven xutt minn tarf il-kaxxa, li ma ta l-ebda ċans lil Ini Etim Akpan, bil-ballun jintemm fir-rokna tas-saqaf tax-xibka.
Referee:- Alex Johnson
Plejer tal-Logħba: Jurgen Degabrielle