Hibernians FC huma r-rebbieħa tal-BOV Super Cup meta għelbu lil Floriana bl-għoti tal-penalties, f’partita li għal ewwel darba intlagħbet fil-Gozo Stadium.
Numru kbir ta’ partitarji ta’ Hibernians, Floriana u anke dawk newtrali kienu preżenti għal din il-finali li laħqet il-qofol tagħha lejn it-tmiem hekk kif id-disgħin minuta u l-ħin barrani ma kienux biżżejjed sabiex jkollna r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni.
Il-partita kienet waħda pjuttost bilanċjata bid-difiżi jiddominaw il-konfront u ma’ jħallu ebda spazzji lill-attakanti jinfiltraw. Fil-ħin barrani Floriana kienu kemm kemm iżjed perikolużi iżda Hibernians dejjem irnexxilhom jikkontrollaw kull sitwazzjoni.
Fl-għoti tal-penalties protagonista prinċipali l-goalkeeper ta’ Hibernians Ibrahim Kone li salva u saħansitra skorja penalty.
Għal Hibernians skorjaw Kurt Shaw, Yonuzi Muritala, Jake Grech, Jurgen Degabriele u Ibrahim Kone filwaqt li għal Floriana sabu x-xibka Jan Busuttil, Andrei Ciolaciu, Kemar Reid, Cristian Rutjens b’Oualid El Hasni jara t-tentattiv tiegħu jiġi salvat minn Kone.