Hibernians ikkonvinċew bis-sħiħ u għelbu l-isfida ta’ Pietá Hotspurs bl-iskor kbir ta’ 4-1, fejn spikkaw bis-sħiħ għalihom il-players Joao Vitor De Oliveira Florencio u Jake Grech, li rreġistraw doppjetta personali kull wieħed.
Hiberians fetħu l-iskor fl-ewwel periklu li ħolqu mal-kwarta logħob meta JOAO VITOR DE OLIVEIRA FLORENCIO, qabeż lill-goalkeeper żagħażugħ ta’ Pietá, Reeves Cini, u tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Huma komplew fuq l-offensiva u minuta biss wara, Zean Leonardi waqqa’ lil Gabriel Mensah fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu JAKE GRECH li ma żbaljax, bil-ballun jgħaddi minn taħt idejn Reeves Cini.
Izda Pieta ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u fil-25 minuta, naqsu l-marġni tal-iskor meta minn cross-shot ta’ Ojo Temitope Abraham, il-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone, miss il-ballun bi ftit qabel intemm għand IVIN FARRUGIA li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
L-azzjoni sussegwenti waslet biss fil-50 minuta, bil-Pawlisti jkunu huma li joġolqu l-periklu meta l-ewwel Gabriel Mensah ħareġ l-aħjar ta’ Reeves Cini li salva bi bravura, biex sekondi biss wara, Mathias Andres Vallejo reġa’ mpenja lil Cini, li salva goal ċert.
Huma komplew fuq l-offensiva u ħames minuti wara, Jake Grech, avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda wiċċ imb’wiċċ ma’ Cini, ra l-konklużjoni tiegħu, tintemm ftit barra.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Hibernians, u fit-58 minuta, skorjaw it-tielet goal permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa ta’ JOAO VITOR DE OLIVEIRA FLORENCIO.
Huma ssiġillaw ir-rebħa permezz tar-raba’ goal fit-83 minuta, meta JAKE GRECH, minn pożizzjoni angulata, spara l-ballun fix-xibka.
Il-Pawlisti komplew jippressaw u fid-90 minuta, is-sostitut Isaiah Chukunyere, kellu x-xutt tiegħu minn ġol-kaxxa, li ntemm ftit barra.
Referee: Ishmael Barbara
Player tal-Logħba: Joao Vitor De Oliveira Florencio