Hibernians ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Melita bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, biex b’hekk irritornaw għar-rebħ wara żewġ draws konskeuttivi. Minn naħa l-oħra din kienet it-tielet telfa konsekuttiva għal Melita, f’liema partiti sofrew xejn inqas minn 11-il goal u skorjaw goal wieħed biss.
Melita kellhom lil Gareth Barone sospiż, iżda rritorna fl-azzjoni għalih il-player Aldair Pena Simanca, wara li serva logħba sospensjoni.
Qabel il-partita, il-president ta’ Melita, Matthew Naudi, ippreżenta flokk kommemorattiv lill-coach Clive Mizzi fl-okkażjoni tal-400 logħba tiegħu bħala coach fil-kompetizzjonijiet tal-MFA.
Hibernians għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta Dexter Xuereb xeħet cross preċiż mil-lemin li sab lil KHEVIN RODRIGO FRAGA li kien fil-post it-tajjeb u b’xamma kbira għall-goal tefa’ ġewwa, b’dan ikun ir-raba’ goal tiegħu fil-Malta Premier u wieħed mill-aktar goals veloċi sa issa f’dan l-istaġun.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-28 minuta cross insidjuż ta’ Dexter Xuereb ġie interċetatt mill-goalkeeper ta’ Melita, Gosef Mizzi, li f’din il-partita għat-tieni darba konsekuttiva reġa’ ġie utilizzat mill-coach Clive Mizzi minflok il-goalkeeper Pollakk, Aleksander Lubik.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u żewġ minuti biss wara, irduppjaw l-iskor permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ ALEX BRUNO DE SOUZA SILVA li ma ta l-ebda ċans lil Mizzi.
Il-Pawlisti reġgħu ħolqu l-periklu fil-41 minuta metra wara li rċieva minn corner tas-solitu Dexter Xuereb, il-captain Bjorn Kristensen li proprju jum qabel kien qed jiċċelebra għeluq sninu, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata tajjeb minn Mizzi.
U f’botta u riposta mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch sekondi biss wara Melita wieġbu għall-ewwel darba permezz ta’ xutt minn pożizzjini ideali ta’ Andre Carlos Penha Da Costa li iżda ntemm għoli.
Fis-57 minuta il-Pawlisti skorjaw it-tielet goal permezz ta’ LUCAS VILLELA LAPERT, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-wieqfa qabel intemm ġewwa.
Iżda Melita ma rmewx ix-xugaman u reġgħu ħolqu l-periklu mas-siegħa logħob permezz ta’ xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa tal-captain Jean Pierre Attard li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper Spanjol ta’ Hibernians, Pablo Nino Sanchez.
Madankollu, kienu Hibernians li għoddhom skorjaw ir-raba’ goal fid-69 minuta meta l-ewwel is-sostitut Jurgen Degabriele kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat parzjalment minn Mizzi, biex mir-rebound l-istess attakkant tefa’ għoli.
Melita resqu viċin li jnaqqsu l-marġni tal-iskor fid-79 minuta meta d-difensur internazzjonali ta’ Hibernains, Kurt Shaw, kellu daqqa ta’ ras b’lura li ġiet salvata f’corner minn Sanchez, biex b’hekk evita li jiġi kommess auto-goal sfortunat.
Iżda kienu Hibernians li komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Portelli
Plejer tal-Logħba: Rodrigo Khevin Fraga (Hibernians FC)