Hibernians komplew ikabbru l-problemi ta’ Valletta meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0, b’din ir-rebħa tista’ titqies bħala waħda meritata għalhom. Dan hekk kif il-Pawlisti dehru impostati tattikament bl-aqwa mod possibbli, kuntrarju ta’ Valletta li dehru traskurati f’kull dipartiment.
Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti cross-shot ta’ Luiz Henrique Guede ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper ta’ Valletta, Jake Galea.
Il-mumenti li segwew kienu kkaraterizzati minn ħafna logħob f’nofs il-ground, bl-azzjoni sussegwenti tasal biss fit-42 minuta, bil-Pawlisti jerġgħu jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Jurgen Degabriele, Ferdinando Apap, kellu rovexxjata mill-viċin, li ntemmet barra.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, huma fetħu l-iskor meta Robert Bairam xeħet cross lejn Ferdinando Apap li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians ħarġu ferm aggressivi u u fit-48 minuta, xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Claudio Bonanni għadda ftit barra.
Fil-61 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Giannis Bastaianos, dejjem għall-Pawlisti ġie salvat b’diffikultá minn Jake Galea.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti u fil-65 minuta, irdoppjaw l-iskor permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ Bruno Alex de Souza Silva, li ma ta l-ebda ċans lil Jake Galea.
Hibernians komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Alex Bruno De Souza Silva (Hibernians)