Wara ħasda inizjali u permezz ta’ reazzjoni mill-aqwa denja ta’ sforz kollettiv u wirja ta’ karattru, Hibernians, dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Naxxar Lions fir-raba partita mill-ewwel ġurnata tat-360 Sport Malta Premier.
Ħibernians għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari u wara sitt minuti azzjoni tajba bejn Jurgen Degabrielle u Giannis Bastianos b’Degabrielle jara l-konklużjoni tiegħu tintemm għoli.
Pero kienu Naxxar li fetħu l-iskor propju fl-ewwel periklu li ħolqu fil-21 minuta meta rebħu penalty hekk kif il-corner ta’ Westherley Garcia Nogueira ħoloq indeċiżjoni fid-difiża Pawlista li wassal għal foul minn Alex Bruno ta’ Hibernians fuq Takuma Yamaguchi. Ir-referee tal-partita Daniel Portelli ordna penalty u mill-11-il metru Westherley Garcia Nogueira magħruf aħjar bħala CAXAMBU ma żbaljax.
Man-nofsiegħa logħob, Matheus Taumaturgo resaq viċin li jirdoppja l-iskor għal Naxxar permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra.
Madankollu, Hibernians ġabu l-iskor indaqs fl-34 minuta meta anke huma rebħu penalty. Din id-darba Pedro Vitor waqqa’ lill-captain Bjorn Kristensen fil-kaxxa bir-referee Portelli jordna t-tieni penalty tal-partita. Mill-11-il metru, inkariga ruħu ALEX BRUNO li ma ħafirx.
Il-Lions tilfu ċans tad-deheb li jerġgħu imorru fil-vantaġġ fit-38 minuta meta wara li rċieva minn cross mil-lemin ta’ Caxambu, Pedro Vitor, kellu t-tentattiv tiegħu jintemm għoli.
Fit-tieni taqsima, Hibernians dehru ittrasformati u fit-52 minuta qalbu l-iskor favurihom meta Alex Bruno provda l-assist mix-xellug lil JURGEN DEGABRIELE li b’logħob tat-tfal mill-viċin tefa’ ġewwa.
Naxxar wieġbu fl-74 minuta permezz ta’ corner dirett mil-lemin ta’ Caxambu li ġie salvat mill-goalkeeper tal-Pawllisti, Hugo Sacco.
Naxxar għamlu minn kollox biex iġibu l-iskor indaqs iżda sabu difiża ta’ Hibernians ferm kumpatta u organizzata li annullat għal kollox l-attakki tagħhom, bil-Pawlisti jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun.
Referee: Daniel Portelli
Plejer tal-Logħba: Alex Bruno De Souza Silva (Hibernians)