Hibernians kisbu l-passaġġ għas-semi-finali tal-Merdianbet FA Trophy, fejn se jkunu qed jaffrontaw lil Hamrun Spartans, meta ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Naxxar Lions bl-iskor ta’ 2-0, bil-goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima.
B’koinċidenza dawn iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu nhar il-Ħadd li ġej din id-darba f’partita valida mill-Malta Premier.
Kienu Hibernians li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fit-12-il minuta meta LUCAS VILLELA evita lill-avversarju dirett tiegħu u b’xutt angulat għar-rokna tax-xibka tefa’ ġewwa, biex kompla jikkonfema forma mill-aqwa li jinsab għaddej minnha.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u mal-kwarta logħob, Villela xeħet cross għan-nofs lejn Carvalho li kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu jintemm ftit għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tal-Pawlisti b’Villela jkompli jirriżulta bħala l-aqwa player fost sħabu u fl-24 minuta lagħab il-ballun għan-nofs fejn sab lil Dexter Xuereb żmarkat li iżda minn pożizzjoni ideali tefa’ għoli.
Hibernians reġgħu ħolqu l-periklu fl-40 minuta meta Alfred Silas xeħet cross lejn Rodrigo Khevin Fraga li niżżel il-ballun b’sidru qabel kellu x-xutt fil-baxx tiegħu mid-distanza jiġi salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Naxxar, Andre Fenech.
Fi-ftuħ tat-tieni taqsima, Naxxar ħarġu ferm aggressivi u fit-48 minuta kienu għoddhom ġabu l-iskor indaqs meta Fernando Barbosa Pereira kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin salvata b’siequ mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Pablo Nino Sanchez.
Iżda kienu Hibernians li rduppjaw l-iskor fis-57 minuta meta NATHA CARVALHO permezz ta’ konklużjoni b’saħħitha minn ġol-kaxxa ħasad għal kollox lil Fenech.
Kien biss fid-89 minuta li waslet l-azzjoni sussegwenti fil-partita, b’Naxxar ikunu huma li joħolqu l-periklu permezz ta’ xutt mill-isbaħ minn pożizzjoni ideali tal-Ġappuniż Takuma Yamaguchi li għadda jħakkek minn mal-wieqfa, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
Hibernians komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Malcolm Spiteri