Shailey Micallef, żagħżugħa ta’ 23 sena, li ilha timmudella minn meta kellha biss tliet snin, se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna f’konkors prestiġjuż bl-isem ta’ Miss Grand International 2025, li se jsir f’Ottubru li ġej fit-Tajlandja.
Dan il-konkors tas-sbuħija jilħaq miljuni ta’ segwaċi kull sena madwar id-dinja kollha, bis-serata finali hu stmat li jarawha aktar minn 16-il miljun telespettatur madwar id-dinja.
ONE News iltaqa’ ma’ Shailey fejn staqsejniha dwar din l-esperjenza u t-tħejjijiet li qed tagħmel, filwaqt li tipprova ssib il-bilanċ f’dan kollu flimkien mal-ħajja personali u l-istudji tagħha.
“Ħafna preparamenti kemm fiżikament, nittrenjaw u nagħmlu dieta speċjali, kif ukoll mentalment. Hu show kbir u bla ma trid ikun hemm dik in-naqra pressure, però l-esperjenza li għandi kif ukoll it-tim li għandi, ċerta li se nwasslu l-prestazzjoni li nixtieq.”
Shailey spjegat ukoll li se tkun qed tuża l-pjattaformi tagħha u din l-esperjenza biex tgħin lill-Malta Trust Foundation, immexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, biex tgħin aktar tfal vulnerabbli jgħixu ħajja aħjar.
Sadanittant iż-żagħżugħa mill-Furjana għaddiet messaġġ b’saħħtu lil dawk kollha hemm barra, nisa u rġiel, biex jekk għandhom ħolma fil-komma, qatt ma jaqtgħu qalbhom.
“Fil-ħajja ħa nsibu ħafna ostakli forsi naraw xi ħaġa li hi kbira u nemmnu li ma nistgħux naslu għaliha. L-importanti li qatt ma naqtgħu qalbna, li nibqgħu nemmnu fina nfusna, għax jekk ma nemmnux aħna fina nfusna, min se jemmen fina?! Dejjem chase your dreams, nemmen ħafna biha dik u taqta’ qalbek qatt.”
Awguri lil Shailey għall-parteċipazzjoni tagħha fit-13-il edizzjoni tal-konkors Miss Grand International 2025. L-aħħar darba li Malta ħadet sehem fih kien fl-2016.