“Hi xi ħaġa ferm sabiħa li nkomplu nibnu spazji miftuħa.” Dan kien is-sentiment ta’ sindki li tkellem magħhom dan l-istazzjon dwar l-applikazzjoni ta’ żvilupp, li ddaħħlet biex is-sit fejn hemm l-impjant tat-trattament tal-iskart ta’ Sant’Antnin jinbidel fi spazju ġdid aħdar.
Dan il-proġett se jagħti kważi erbgħa u għoxrin elf metru kwadru lura lill-komunità b’bini ta’ lagi f’nofs il-proġett għal aktar lok ta’ rilassament f’post imdawwar bis-siġar.
Nhar il-Ħadd il-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kien qed jiġi intervistat fost in-nies f’Marsaxlokk, ħabbar li hemm dan l-iżvilupp ġdid favur l-ispazji ħodor f’pajjiżna, fost ħafna proġetti oħrajn li diġà twettqu u oħrajn li huma diġà ppjanati li jsiru.
Ma’ ONE News is-Sindku ta’ Marsaskala tenna l-ferħ tiegħu għal dan il-proġett grandjuż u qal li b’dan l-iżvillupp, grazzi għall-Gvern Laburista, aktar nies se jkunu jistgħu jgawdu l-atmosfera sabiħa li għandhom fir-raħal ta’ Marsaskala u r-residenti jkunu aktar kuntenti.
Is-sindku ta’ Marsaskala qal, “Hi xi ħaġa ferm sabiħa li se nkomplu nibnu fuq spazji ħodor, speċjalment meta inti ħa tagħmel trasformazzjoni ta’ miżbla għal ġnien tal-familja. Fil-fatt issemmew anke xi lagi li se jkun hemm u ħaġa oħra tajba ħafna ħafna li aħna xi snin ilu bħala kunsill konna wkoll tlabna u ħadt gost immens li ntlaqa’. Għamilna talba peress li Marsaskala jbati ħafna b’nuqqas ta’ parkeġġ u vera ħadt pjaċir li laqgħu t-talba tagħna lkoll u kkunsidrawha u ntlaqgħet u ssemmiet ukoll fejn apparti parkeġġ issa ssemmiet ukoll Park and Ride. Dan ħa jagħti nifs ġdid għal dan il-lokal kemm għar-residenti kif ukoll għan-negozji tagħna.”
Jorge Grech, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, spjega li taħt Gvern Laburista saru diversi proġetti ħodor fil-lokalità tiegħu u issa dan l-iżvilupp se jservi bħala investiment ieħor mhux biss għan-nies tal-lokalità u dawk qrib, imma wkoll għan-nies tat-Tramuntana.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar qal, “Tajjeb li naraw l-investiment ħolistiku Ii qed isir min-naħa tal-Gvern. Proprju fil-lokalità tagħna sar investiment u l-estensjoni l-ġdida tal-Park ta’ San Klement, tħabbar ukoll il-proġett tal-Park tal-Inwadar u proprju matul il-ġimgħa li għaddiet kien hemm il-proġett tal-pixxina fin-naħa l-oħra tax-xaqliba tal-lokalità tagħna tal-Kottonera. Allura proġett bħal dan ħa jkun investiment ieħor fin-naħa tan-Nofsinhar ta’ pajjiżna. Ovvjament se jkun qed jagħti post għal rikreazzjoni kemm għall-familji u dawk kollha li mhux biss huma min-naħat tagħna, imma anke n-nies tan-naħa ta’ fuq biex jiġu fin-naħat tagħna.”
Min-naħa tagħha, Doris Abela, Sindku taż-Żejtun, lokalità oħra fil-qrib tal-Impjant ta’ Sant’Antnin, tenniet kemm l-ispazji miftuħa f’pajjiżna huma importanti u rringrazzjat lil dan il-Gvern tax-xogħol siewi li qed jagħmel fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Sindku taż-Żejtun qal, “Bħalma tafu l-ispazji miftuħa qatt mhuma biżżejjed u n-nies għandhom bżonn dawn il-postijiet fejn wieħed jista’ jirrilassa wara ġimgħa xogħol jew wara l-ħin tal-iskola. Grazzi għall-Gvern Laburista li qiegħed jimpenja ruħu fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Aħna qegħdin nibbenefikaw minn dawn il-parks u spazji miftuħin fejn nistgħu mmorru fil-viċinanzi tagħna.”