L-għada li ħarġet l-aħbar li l-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza’ ta’ tletin xahar ħabs għal raġel li nstab ħati għall-qtil involontarju ta’ tifel ta’ tliet snin wara li l-ġenituri taċ-ċkejken ħafrulu, one.com.mt tkellem m’ommu Vanessa Agius.
Meta kkuntattjatha minn ONE News, omm iċ-ċkejken Gabriel Agius qaltilna li, li kieku Francis Mamo mar il-ħabs, kienet tbati miegħu l-familja kollha.
Għaldaqstant stqarret li, għalkemm deċiżjoni diffiċli li ġabet lura memorji xejn sbieħ, flimkien ma’ żewġha ma temminx li għall-iżball ta’ persuna waħda teħel u tbati l-familja kollha. “Iddeċidejna li naħfrulu għax kieku l-każ kien bil-kontra ridna li jagħmlu l-istess”, qalet emozzjonata l-omm.
Francis Mamo, ta’ 61 sena, instab ħati għall-qtil involontarju ta’ Gabriel Agius ta’ tliet snin. It-tifel miet wara li waqa’ f’xaft ta’ garaxxijiet taħt l-art f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-każ seħħ f’April tal-2008 meta ċ-ċkejken Gabriel Agius tilef ħajtu waqt li kien m’ommu meta waqa’ għoli ta’ kważi sular minn fetħa fis-saqaf. Huma kienu mexjin fid-dlam, sejrin lejn il-garaxx tagħhom. Is-Sur Mamo kien ġie mixli li injora twissijiet tal-Pulizija biex ineħħi l-periklu li kien hemm fis-sit ta’ kostruzzjoni iżda ma kienx instab ħati ta’ dawn l-akkużi għax kien għadda ħafna żmien.