F’attività privata speċjali fil-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-Birgu, Heritage Malta għadha kemm nediet ktieb bl-isem, ‘The Dockyard from the Workers’ Perspective – 100 Interviews’ li joffri għarfien uniku dwar it-Tarzna permezz tat-tifkiriet tan-nies tas-sengħa li ħadmu ġo fiha.
Matul dawn l-aħħar erba’ snin, it-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni ta’ Heritage Malta iddokumentat aktar minn 200 siegħa ta’ memorji minn eks ħaddiema tat-Tarzna ġew dokumentati bħala parti mill-akbar proġett ta’ wirt intanġibbli li wettqet l-aġenzija sallum.
Fir-rakkonti rrekordjati, l-eks ħaddiema tkellmu dwar ix-xogħol tagħhom qalb l-għagħa tal-workshops u fil-fond tal-baċiri, bħala parti minn komunità sħiħa ta’ rġiel, b’ħiliet ta’ kull tip, li sfidaw il-mewt kuljum.
Il-ktieb jipprovdi wkoll għarfien dwar l-irwol tan-nisa fit-Tarzna, u kurżitajiet interessanti li jorbtu oġġetti mhux mistennija flimkien, bħal-lampi tal-ħadid fondut fi Pjazza Kastilja u l-vara tant maħbuba ta’ Ġesù Redentur tal-Isla, fost oħrajn.
Wieħed jista’ jixtri dan il-ktieb minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta fuq https://heritagemalta.mt/store/the-dockyard-from-the-workers-perspective-100-interviews-pre-order/.