Wara xogħol ta’ restawr estensiv, il-binja ikonika tal-Palazz tal-Gran Mastru se tkun għal darb’oħra qed tilqa’ lill-pubbliku fi ftuħ speċjali nhar il-Ħadd 5 ta’ Mejju. Dakinhar il-Palazz se jkun miftuħ bi prezz imraħħas u bi programm ta’ attivitajiet eċċitanti.
Mibni fil-qalba tal-Belt Valletta, il-Palazz tal-Gran Mastru huwa simbolu ta’ wirt nazzjonali u jiġbed l-attenzjoni ta’ kull minn jgħaddi minn Misraħ San Ġorġ. Huma u jippassiġġaw fil-kurituri tiegħu u jistagħġbu fi sbuħitu, il-viżitaturi jiskopru ġrajja antika ta’ aktar minn erba’ sekli li sawret lil pajjiżna kif nafuh illum.
Matul dan il-ftuħ speċjali, dawriet gwidati animati se joffru tagħrif interessanti dwar din l-istorja għanja tal-Palazz. Id-dawriet se jsiru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u se jibdew fid-09:30 (Malti), fl-10:30 (Ingliż), fil-11:30 (Malti), u fin-12:30 (Ingliż).
Barra dan kollu, il-Malta Historical Fencing Association u l-Fridericus Rex Malta Falconers se jkunu qed joffru wirjiet ta’ ħiliethom u jaqsmu tagħrif ma’ viżitaturi kurjużi.
Dawk interessati li jsiru membri ta’ Heritage Malta se jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan, fejn jiksbu l-kard tas-sħubija ma’ Heritage Malta u jibdew jibbenefikaw minn lista sħiħa ta’ benefiċċji meta jesploraw il-wirt ta’ dawn il-gżejjer. Barra minn hekk, studenti u anzjani se jkunu jistgħu jiġbru l-passaport tagħhom ta’ Heritage Malta matul dan il-jum.
Il-Palazz se jkun miftuħ għall-pubbliku mid-09:00 sas-18:00.
Għal dawn id-dawriet trid tirriserva postok minn qabel fuq www.heritagemalta.mt/store jew minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta.