Heritage Malta, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti u l-Faċilità għal Kura fit-Tul ta’ San Vinċenz de Paul, għamlet b’suċċess kors introduttorju dwar il-kultura Maltija għal grupp ta’ carers barranin li jaħdmu fil-faċilità.
Il-kors ta’ tmien sessjonijiet, li sar fuq inizjattiva taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, sar primarjament bil-Malti iżda kien akkumpanjat mill-Ingliż bħala lingwa ta’ għajnuna. Is-sessjonijiet saru fil-binja ta’ San Vinċenz de Paul f’Ħal Luqa, iżda l-aħħar sessjoni u ċċerimonja tat-tqassim taċ-ċertifikati saru fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu u offrew lill-parteċipanti esperjenza storika immersiva.
Biex jiksbu ċ-ċertifikati tagħhom, il-carers intalbu wkoll li jżuru tliet siti ta’ Heritage Malta tal-għażla tagħhom matul il-kors, biex irawmu apprezzament personali tal-wirt Malti. Kenneth Gambin, il-Kap tal-Operat ta’ Heritage Malta, enfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn: “Heritage Malta hija impenjata li tagħmel il-kultura Maltija aktar aċċessibbli għal kulħadd, inkluż għal dawk li jista’ jkollhom inqas opportunitajiet biex jesperjenzawha.
Dan il-kors juri kif il-kollaborazzjoni tista’ ssaħħaħ lill-individwi permezz tal-istorja u l-wirt kulturali.” L-Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Dr Maris Camilleri, faħħret l-inizjattiva mibdija mill-predeċessur tagħha, filwaqt li faħħret ukoll id-dimensjoni ħolistika fil-proċess tal-integrazzjoni ta’ dawn il-carers. Hija qalet li, ‘‘Il-lingwa Maltija ma tistax tiġi apprezzata b’mod sħiħ jekk mhux b’għarfien parallel tal-istorja tal-pajjiż, li kienet dik li wara kollox sawret l-istruttura tal-ilsien uniku tagħna.” Jorgen Souness, Kap Eżekuttiv tal-Faċilità għal Kura fit-Tul ta’ San Vinċenz de Paul, tkellem dwar l-importanza li r-residenti jgħixu f’ambjent fejn iħossuhom rispettati u mifhuma.
“Għaldaqstant, inizjattivi bħal dawn jirriflettu l-impenn tagħna mhux biss lejn l-iżvilupp professjonali tal-impjegati, iżda wkoll lejn it-titjib tal-komunikazzjoni tagħhom mar-residenti”, żied jgħid. “Li tieħu l-ħin biex titgħallem il-kultura ta’ pajjiż, speċjalment waħda daqstant rikka u unika bħal dik Maltija, mhix ħaġa żgħira, imma dawn il-ħaddiema daħlu għal din l-isfida b’determinazzjoni,” temm jgħid Souness, waqt li faħħar il-kontribut kruċjali ta’ kulħadd. Vanessa Ciantar, Assistant Manager tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Outreach fi ħdan Heritage Malta, li membri tiegħu mexxew is-sessjonijiet flimkien ma’ kollegi mill-Palazz tal-Inkwiżitur, esprimiet l-entużjażmu tagħha għad-dedikazzjoni li wrew il-parteċipanti.
Hija kkummentat: “L-interess tal-carers kien ta’ ispirazzjoni. Grazzi għall-kors, mhux biss kisbu għarfien storiku iżda ħaddnu wkoll il-lingwa u l-kultura Maltija, biex b’hekk tejbu l-ħajja personali u professjonali tagħhom.” Din l-inizjattiva tixhed l-impenn ta’ Heritage Malta li toħloq opportunitajiet edukattivi diversi u inklużivi. L-aġenzija għandha l-għan li tkompli toffri programmi simili, biex tiżgura li l-wirt kulturali Malti jilħaq udjenzi usa’.