Heritage Malta qed tiċċelebra l-20 anniversarju mit-twaqqif tagħha bil-ftuħ b’xejn tas-siti u l-mużewijiet tagħha u l-kwartieri tagħha f’Bighi, il-Kalkara, fost diversi attivitajiet oħrajn.
Fit-30 ta’ Settembru se jsir il-ftuħ b’xejn tas-siti u l-mużewijiet ħlief l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, l-Underground Valletta u s-siti li bħalissa jinsabu magħluqin. Il-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu normali għal kull sit jew mużew u l-viżitaturi m’għandhomx bżonn jibbukkjaw minn qabel.
L-għada l-Ħadd, 1 ta’ Ottubru, mill-10:00 sas-18:00, Heritage Malta se tiftaħ il-kwartieri tagħha f’Bighi għall-pubbliku. Dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ diversi professjonisti, fosthom il-periti tal-aġenzija, ix-xjenzati huma u jaħdmu fil-laboratorji tagħhom, il-konservaturi u ħaddiema ta’ snajja’ differenti, filwaqt li jsegwu l-importanza tat-teknoloġija moderna fil-ħarsien tal-wirt kulturali nazzjonali.
Dakinhar, it-tfal ukoll se jkollhom tours apposta għalihom (li jridu jiġu bbukkjati minn qabel) u bosta attivitajiet u attrazzjonijiet biex jieħdu gost filwaqt li jitgħallmu. Se jkun hemm ukoll ikel u xorb għall-bejgħ.
Fl-okkażjoni tal-20 anniversarju tagħha, Heritage Malta se tkun qed torganizza wkoll lejla soċjali fil-Forti Sant’Iermu għall-impjegati kurrenti u rtirati tagħha bħala forma ta’ ringrazzjament għall-ħidma tagħhom matul is-snin.
Dan l-avveniment se jikkonsisti minn wirja ta’ xogħlijiet artistiċi li nħadmu mill-impjegati ta’ Heritage Malta stess. Fil-wirja se jkun hemm madwar 25 biċċa xogħol, li jvarjaw minn pitturi u tpinġijiet għal ġojjellerija, fotografija, skultura, crochet u presepji, fost oħrajn.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku fil-Forti Sant’Iermu sal-aħħar tas-sena.
F’kumment dwar dan l-anniversarju importanti għal Heritage Malta, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Noel Zammit, qal li matul dawn l-20 sena, Heritage Malta kienet iggwidata minn strateġija proattiva mfassla bil-għaqal u minn viżjoni li tara fil-bogħod, tantiċipa x-xejriet tal-qasam tagħha u toħroġ b’soluzzjonijiet għall-problemi mbassrin mit-tagħlimiet tal-esperjenza.