L-ittra li biha Napuljun Bonaparti ta l-kmand lill-Ġeneral Desaix biex jiġbor il-flotta tiegħu u jibda jippjana l-invażjoni ta’ Malta, li sa l-1798 kienet għadha taħt it-tmexxija tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kienet akkwistata minn Heritage Malta.
Din l-ittra kienet mixtrija għas-somma €60,000 minn fondi nazzjonali f’irkant organizzat mill-irkantaturi rinomati Sotheby’s u bħalissa tinsab fi triqitha lejn Malta.
Il-Kuratur tal-Mużew Marittimu Liam Gauci stqarr li din l-ittra għandha sinnifikat importanti fl-istorja ta’ Malta u qal kif fiha wieħed jista’ josserva l-istil militari ta’ Napuljun Bonaparti qabel il-kampanja tiegħu fl-Eġittu.
Mario Cutajar, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta sostna li dinl-ittra ser tiġi esebita fil-Mużew Marittimu kif jitlesta fil-kuntest li l-kampanja ta’ Napuljun lejn Malta u l-Eġittu rat waħda mill-ikbar flotti navali li qatt ra l-Mediterran.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit stqarr li x-xiri ta’ dan id-dokument juri kemm l-aġenzija nazzjonali hija kommessa li tixtri artefatti relevanti u uniċi għan-nazzjon. Zammit saħaq, “L-ittra ta’ Napuljun tirrapreżenta pass kruċjali fl-istorja moderna tan-nazzjon Malti u ser takkumpanja perfettament it-tifkiriet ta’ Ċensu Borg Brared, li nxtraw is-sena li għaddiet.”