F’dawn il-jiem Sajfin x’hemm isbaħ minn dawra fuq dgħajsa madwar Malta, u propju din hija l-opportunità li Heritage Malta qed tagħti lil bosta Maltin u turisti li llum qiegħdin iduru madwar pajjiżna u jgawdu l-aqwa veduti.
Attività ta’ Heritage Malta tat l-opportunità li f’ġurnata rilassanti fuq il-baħar, dawk preżenti jaraw u jitgħallmu fatti kurjużi dwar il-ġżira ta’ Filfla.
Il-kuratur anzjan ta’ Heritage Malta John J. Borg spjegalna kif din l-gżira li għal kważi seklu sħiħ kienet tintuża mis-suldati Ingliżi u tan-NATO bħala versall għall-bumbardamenti, għandha speċi uniċi għaliha, u għalhekk hija ta’ importanza naturali kbira.
Borg stqarr, “Gżejjer joħolqu dawk li ngħidulhom endemiżm, annimali jew pjanti li ma ssibhom imkien, għajr fuq dal-gżejjer, u filfla wkoll għandha l-endemiżmi tagħha, għandha bebbuxu li huwa endemiku, hemm grillu li s-sottospeċi huwa endemiku, ħanfusa li wkoll hija endemika, hemm pjanta mill-familja tal-basal li wkoll qed tiġi studjata li hija maħsuba wkoll li hija endemika.”
B’żiffa sabiħa u ċ-ċafċifa ħafifa tal-baħar, bl-irdumijiet tax-xtajta maltija fl-isfond, id-dehra ta’ Filfla minn fuq id-dgħajsa kienet meravilja minnha nnifisha.
Il-Gżira ta’ Filfla, li wieħed issoltu jaraha bl-aqwa mod minn Ħad Dingli, l-bajja ta’ Lapsi u anke minn Wied iż-Żurrieq, pero kull min ġie hawnhekk għal din l-attività ta’ Heritage Malta, illum seta’ jgawdiha ħafna iktar mill-qrib.
Is-sbuħija naturali tal-gżira mmeravoljat lil bosta Maltin u Turisti preżenti. Ma’ ONE News dawn iddeskrivaw din l-attività bħala esperjenza edukattiva mal-għeżież tagħhom li tathom l-aqwa veduti.
Il-ġurnalist ta’ ONE News staqsa, “X’taħseb minn din l-attività u l-fatt li qed tgawdiha mal-familja u anke rajt Filfla daqsekk mill-qrib?”
Fost it-tfal preżenti din iċ-ċkejkna qaltilna hekk, “Kien sabiħ, rajna Filfla Close-up, qatt ma rajtu daqsekk ċar jien.”
“I feel very priveleged that I’ve been allowed to go so close to Filfla today. That was absolutely amazing. I’ve seen it for years from the other side. I’ve been to Mnajdra and Ħaġar Qim, and it was just lovely to see the dark side of Filfla, the other side that you never get to see.” Dan sostnietu turista.
“Jiena ġejt nara l-Filfla għax qatt ma ġejt ħdejha, u xtaqt naraha, u fl-istess ħin ħa nduru dawra wkoll.” Qalilna raġel.
Turista oħra qaltilna, “We feel very very good about it and we are having a very nice trip, and I feel a bit special because it is a place that not everyone sees.”
“Interessanti ħafna, filfatt jiena Maltija, qatt ma kont mort, jiġifieri dejjem taraha mill-bogħod, għall-inqas hija xi ħaġa interessanti li jista’ jkun hawn affarijiet simili, tajbin hux.” Sostniet persuna oħra.
Filfatt, Graziella Vella minn Heritage Malta spjegat kif din l-attivitá ser terġa’ ssir fil-25 ta’ Lulju. Dan filwaqt li din mhux ser tkun l-unika attivitá simili għal dan is-Sajf.
“Għandna attività ġewwa Ħal Tarxien dwar l-ikel fi żmien preistoriku u imbgħad għandna Harbour Cruise madwar il-Port il-Kbir fuq it-tema tat-tieni gwerra dinjija li ħa jsir fit-tnax ta’ Awissu.” Sostniet Vella.
Wara ġurnata fuq il-baħar f’temp mill-isbaħ ma setax jonqos li dawk abbord ingħataw l-opportunitá li jaqbżu jgħumu għuma, biex b’hekk il-ġurnata kienet kompluta qabel id-dgħajsa reġgħet qabdet it-triq lura lejn ix-xatt ta’ tas-Sliema.