L-entità governattiva Heritage Malta ħabbret wirja, li tesplora l-konġura tal-iskjavi f’pajjiżna, li falliet fl-1749. Il-wirja, bl-isem ‘Tradiment u Vendetta’, se tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija fil-Birgu mill-20 ta’ Settembru li ġej.
Ir-rewwixta mill-iskjavi 275 sena ilu se tkun miġbura f’din il-wirja, li tanalizza aktar minn 58 folja tal-aħbarijiet f’korrispondenza bejn l-Inkwiżitur u Delegat Appostoliku Paolo Passionei u l-Vatikan fil-perjodu ta’ bejn l-1748 u l-1751. Dan fost dokumenti oħrajn storiċi, fosthom sorsi primarji, bħal rapporti, jew dawk sekondarji, bħal letteratura aktar riċenti.
Il-wirja se tinkludi wkoll kollezzjoni ta’ 19-il tpinġija, li ġew irrestawrati minn Heritage Malta, fejn jidher b’mod ċar l-azzjonijiet intensi u brutali li ġraw waqt din il-konġura.
It-tpinġijiet ukoll iservu bħala l-qofol tan-narrattiva li tidħol fid-dinamika politika, soċjali u kulturali ta’ Malta tas-Seklu 18.
Fi vjaġġ matul iż-żmien, il-wirja tesplora avvenimenti drammatiċi, li bdew bil-wasla tal-bastiment Ottoman ‘Il-Lupa ta’ Rodi’ nhar it-2 ta’ Frar, 1748, fil-Port il-Kbir, kif ukoll it-tentattivi mill-kaptan biex jaħrab u jbiddel b’mod drammatiku kif żvolġiet l-istorja ta’ Malta.
Ma’ dan jiġu esplorati temi, bħall-poter, id-diplomazija, it-tradiment u r-relazzjonijiet bejn il-Punent u l-Lvant matul dan il-perjodu.