Nhar il-Ħadd, 26 ta’ Jannar, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex iżur is-sit preistoriku ta’ Borg in-Nadur li jinsab Birżebbuġa. Id-dħul se jkun bla ħlas.
Il-pajsaġġ ta’ Birżebbuġa minn dejjem kien ta’ interess għall-arkeologi, l-aktar minħabba l-preżenza sostanzjali ta’ fdalijiet u siti arkeoloġiċi, fosthom Għar Dalam u l-Villa Rumana magħrufa bħala Ta’ Kaċċatura.
Is-sit ta’ Borġ in-Nadur jinsab madwar 500 metru bogħod minn Għar Dalam. Il-pożizzjoni tiegħu hija strateġika peress li jinsab fl-għoli jħares fuq il-bajja ta’ San Ġorġ, jifred żewġ widien. Is-sit kien jintuża kemm fil-Perjodu tat-Tempji tardiv (3,150 – 2,500 QK) u kif ukoll fi Żmien il-Bronż (2,400 – 700 QK).
L-iskavi arkeoloġiċi li saru fis-sit fl-għoxrinijiet mill-arkeologa Margaret Murray sarrfu f’informazzjoni sinifikanti li tefgħet aktar dawl fuq id-differenza li hemm bejn il-Perjodu tat-Tempji u Żmien il-Bronż.
Il-pubbliku se jkun jista’ jiskopri aktar tagħrif dwar dan is-sit waqt żjarat bi gwida li se jsiru matul il-ġurnata. Fl-10.00am u fis-2.00pm, se jkun hemm żjara bi gwida bil-Malti, filwaqt li f’nofsinhar u fl-4:00 ta’ waranofsinhar se jsiru bl-Ingliż. Sa massimu ta’ 25 persuna jistgħu jipparteċipaw f’kull żjara.
Dan is-sit se jkun miftuħ mid-9:00 ta’ filgħodu sal-5:00 ta’ waranofsinhar.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur www.heritagemalta.org