Parti Minna: tmint elef sena ta’ storja u eluf oħra li għad iridu jiġu issa ppreżentati f’logo ġdid tal-Heritage Malta, l-aġenzija nazzjonali għall-mużewijiet, il-prattika tal-konservazzjoni, u l-wirt kulturali.
Iżda l-bidla li qed issir f’din l-aġenzija mhix biss kożmetika. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’Anġlu, ġiet ippreżentata wkoll l-istrateġija l-ġdida tal-Heritage Malta; strateġija li se twassal biex tgħaqqad il-passat mal-futur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Heritage Malta, Noel Zammit, qal li fl-aħħar sentejn l-aġenzija kienet impenjata biex tibni din l-istrateġija, li fiċ-ċentru tagħha hemm in-nies, il-viżitaturi.
“Affarijiet oħra illi ħa nagħmlu mil-lum ’il quddiem hija li nbiddlu ftit in-narrattiva tagħna; narrativa naqra aktar moderna li, filwaqt li tibqa’ tappella għall-udjenzi li għandna eżistenti, sejra biex niġbdu udejnzi ġodda, udjenzi li forsi ma jiġux iżuruna llum fil-mużewijiet u s-siti tagħna, u dak wieħed mill-għanijiet prinċipali ta dan ir-re-branding” qal Zammit.
Iċ-Chairperson tal-Heritage Malta, Anthony Scicluna, qal li f’dan l-eżerċizzju sar ukoll ristrutturar fl-operat tal-aġenzija, filwaqt li qed jingħata importanza partikolari l-aspett tad-diġitizzazzjoni.
Scicluna saħaq li, fuq kollox, sar investiment fir-riżorsa umana.
Il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, qal li l-Heritage Malta rnexxielha ssawwar narrattiva ġdida li tnissel kburija bil-gżejjer Maltin u toħloq eċitament u faxxinu ġdid bl-istorja kulturali u naturali għanja li għandu pajjiżna.
Id-dehra l-ġdida tal-Heritage Malta tgħaqqad dak kollu li sawwar l-istorja lokali u dak li għad irid jiġi: is-siti fuq l-art u l-patrimonju f’qiegħ il-baħar, u anke dak li huwa intanġibbli. Id-disinn mininalist qed jinterpretà identità ta’ poplu li, fuq is-sisien tal-bieraħ qed jikteb l-istorja ta’ għada.