Heritage Malta nediet il-kunċett tal-patrunat fejn qed toffri diversi għażliet lill-membri tal-pubbliku biex il-wirt nazzjonali jagħmluh parti mil-legat tagħhom bħala patruni tal-istess aġenzija.
Dawk li jagħżlu li jsiru patruni ta’ Heritage Malta mhux biss se jkollhom aċċess għas-siti u sens ta’ appartenza, iżda se jiġu mistednin jidħlu wara l-kwinti u jaraw artifatti oriġinali qabel kulħadd. Huma intitolati għal dħul b’xejn bla limitu f’24 mużew u sit, kif ukoll għal aċċess għal siti magħluqin waqt avvenimenti speċjali.
Il-Patrunat Korporattiv hu maħsub għal negozji u kumpaniji li jixtiequ jkunu sponsors ta’ Heritage Malta, fejn dawn ikunu jistgħu jgawdu avvenimenti uniċi u se jingħataw għarfien pubbliku għall-għotjiet filantropiċi tagħhom.
Il-Patrunat tal-Legat jistgħu jagħżluh dawk li fit-testment tagħhom jixtiequ jħallu xi tip ta’ għotja lil Heritage Malta u b’hekk jiżguraw li l-legat tagħhom iħalli impatt fit-tul. Persuna tista’ tagħżel li tħalli kollezzjoni, b’moħħha mistrieħ li Heritage Malta se tindokraha u tippriservaha għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Wieħed jista’ wkoll isir patrun permezz tal-volontarjat. Din hi opportunità ideali għal min jixtieq jiddedika ftit minn ħinu biex jgħin lil Heritage Malta fit-twettiq tal-missjoni tagħha.
F’kumment dwar l-inizjattiva, Noel Zammit, Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, enfasizza li din timxi id f’id mas-slogan tal-aġenzija ‘Parti Minna’.
Aktar tagħrif dwar il-kunċett tal-patrunat ta’ Heritage Malta jinsab hawn: https://patronage.heritagemalta.mt/