Nhar it-Tieta, 12 ta’ Novembru, Heritage Malta qed torganizza avveniment esklussiv mal-kuratur għal dawk li għandhom il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta. Il-parteċipanti se jżuru l-esebizzjoni ‘Culhat al Belt: Sette Giugno 1919-2019’ li tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u wara jmorru mixja madwar il-postijiet l-aktar importanti fil-Belt li huma marbuta ma’ din il-ġrajja.
L-esebizzjoni ‘Culhat al Belt: Sette Giugno 1919-2019’ qed tfakkar il-100 anniversarju mill-irvellijiet li seħħew fis-7 ta’ Ġunju 1919. L-esebiti isegwu l-fatturi intriganti li eventwalment wasslu għall-irvell tal-poplu Malti kontra l-ħakkiema Brittaniċi u s-simpatizzanti tagħhom fis-7 ta’ Ġunju 1919. Huma jkopru wkoll uħud mill-konsegwenzi li ġraw wara li twettqet din l-azzjoni deċiżiva. Waqt din id-diskussjoni dwar il-Belt u l-Ħakma Brittannika Kolonjali, se jkunu qed jintwerew ritratti tal-postijiet kif kienu jidhru fl-1919.
Wara l-esebizzjoni, il-parteċipanti se jiġu mistiedna jżuru wħud mill-iżjed postijiet sinifikanti li huma konnessi mal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 waqt mixja mal-kuratur madwar il-Belt.
Se jkun hemm żewġ gruppi, wieħed fejn l-avveniment se jsir bil-Malti u ieħor fejn se jsir bl-Ingliż. It-tnejn jibdew fid-9.30 ta’ filgħodu.
Il-prezz għal din l-attività huwa ta’ €3, fejn il-biljetti jistgħu jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta meta jiġi ppreżentat il-Passaport tal-Kbar ta’ Heritage Malta. Il-parteċipanti jeħtieġ li jixtru dan il-biljett minn qabel sabiex ikunu jistgħu jattendu għal dan l-avveniment.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.heritagemalta.org jew ċempel 2395 4310.