Il-kunflitt imdemmi bejn il-Lhud u l-Palestinjani intensifika bil-qawwiet tal-ajru t’Iżrael jibbumbardja fl-istrixxa ta’ Gaża u l-militanti Palestinjani tal-grupp Ħamas jispara rokits lejn Iżrael fosthom lejn il-belt ta’ Tel Aviv.
Għal xi mument anki twaqqfu t-titjiriet fl-ajruport ta’ Ben Gurion f’Tel Aviv u l-qawwiet t’Iżrael interċettaw ħafna mir-rokits sparati mill-Ħamas minn Gaża.
F’Holon, ftit ‘il barra minn Tel Aviv, rokit laqat karozza tal-linja vojta.
F’Gaża s-sitwazzjoni hija aktar prekarja b’bini jaqa’ fosthom binja għolja diversi sulari.
Il-grupp militanti tal-Hamas qal li fost il-vittmi hemm nisa u tfal iżda Iżrael qed isostni li fil-mira tal-attakki tiegħu hemm il-militanti.
Minn tal-inqas erbgħin persuna nqatlu f’dawk deskritti bħala l-agħar xeni vjolenti fl-aħħar snin.
L-Iżrael iddikjara wkoll stat ta’ emerġenza fil-belt ċentrali ta’ Lod wara aktar rewwixti mill-Għarab Iżraeljani.
Tul il-lejl li għadda ngħata n-nar lil diversi karozzi filwaqt li numru ta’ persuni ndarbu fi ġlied li s-sindku tal-belt xebbħu ma’ gwerra ċivili.
Intant il-Gvern Malti, permezz tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo esprima t-tħassib serju tiegħu fuq il-vjolenza li eskalat fil-Lvant Nofsani.
Filwaqt li Malta tenniet l-appoġġ għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati fil-Lvant Nofsani, il-Ministru Bartolo appella lil dawk kollha fuq kull naħa sabiex jieħdu azzjoni immedjata u urġenti bil-għan li jonqsu t-tensjonijiet.
Il-Gvern Malti ta l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi, inklużi nies ċivili li ndarbu u tenna l-ħtieġa li jkun rispettat id-dritt tal-Palestinjani sabiex ma jkunux imċaħħda minn djarhom f’Ġerusalemm tal-Lvant.