Il-Professur Henry Frendo għamel donazzjoni ta’ għadd kbir ta’ dokumenti storiċi u ta’ riċerka lill-Arkivji Nazzjonali. Dawn jinkludu noti, intervisti, dokumenti ta’ riċerka, ritratti u kotba rrekordjati relatati mar-riċerka relatati mal-istorja ta’ Malta matul dawn l-aħħar 200 sena.
Waqt attività’ uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, irringrazzja lill-Professur Henry Frendo għad-donazzjoni li ta sabiex jitfa’ dawl ġdid fuq il-wirt kulturali u l-istorja ta’ pajjiżna. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali tal-ħidma kbira u d-dedikazzjoni li għandhom lejn l-istorja ta’ Malta.
Il-Ministru Bonnici stqarr, “Il-Professur Frendo ħa d-deċiżjoni li jagħti donazzjoni tax-xogħol kollu tiegħu, prattikament, ta’ riċerka li kellu fil-pussess tiegħu, biex ikun jista’ jitgawda mill-poplu Malti u Għawdxi bis-saħħa tal-Arkivji Nazzjonali. Aħna nirringrazzjaw minn qalbna lill-Professur Henry Frendo – flimkien iltqajna biex niċċelebraw il-kobor ta’ dan il-persuna illi għamel dan il-ġest tant sabiħ favur pajjiżna ”
Anki l-Arkivista Nazzjonali u professur tal-Istorja Moderna fl-Università ta’ Malta, Dr Charles Farrugia, irringrazzja lill-Professur Frendo għad-donazzjoni tiegħu. Huwa saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkollu dokumenti bħal dawn sabiex inkunu nistgħu nippreservaw l-istorja moderna ta’ pajjiżna.
Il-Professur Frendo huwa professur tal-Istorja Moderna fl-Università ta’ Malta. Huwa ħadem ukoll mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati f’għadd ta’ pajjiżi.