Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne ilbieraħ żvela fil-Parlament li fl-Isptar Mater Dei hemm żewġ embrijuni ffriżati wara li l-omm spiċċat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjoni ta’ Embrijuni, il-Ministru Fearne deher li kien qed jirreferi għal kritika li għamel aktar qabel il-whip tgal-gvern Godfrey Farrugia li wissa lkill-membri parlamentari biex ma jkunux “kompliċi f’delitt” kemm-il darba jbiddlu l-liġi biex ikunu jistgħu jiġu ffriżati l-embrijuni għax dawk li ma jintużawx jispiċċaw jinqatlu.
Il-Ministru Fearne staqsa x’kien jiġri kieku l-omm mietet. Huwa tenna li din ukoll hija problema u qal li “rridu naraw kif insibu s-soluzzjonijiet għalihom”.
Hekk kif temm il-winding up tiegħu il-Ministru, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia intervjena u qal li riżultati aħjar ma niksbuhomx billi noqtlu l-ħajja.
Qabel, Farrugia staqsa: “Min aħna biex niddeċiedu liema huma dawk l-embrijuni li jiġu implantati u dawk li jitpoġġew fil-friża?” Huwa saħaq li għandna nħarsu d-dritt universali għall-ħajja, li huwa dritt suprem fuq kull dritt ieħor.