Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew qal li hemm raġunijiet ekonomiċi b’saħħithom biex jiġu mħarsa s-sajjieda tradizzjonali.
Alfred Sant qal li l-pożizzjoni istitutuzzjonali u ekonomika tas-sajjieda tradizzjonali ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed meta tfasslet il-politika tal-konservazzjoni. Sant qal dan waqt li vvota favur ir-rapport ‘Il-qagħda tal-istokks tal-ħut u s-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tas-settur tas-sajd fil-Mediterran’, fil-Parlament Ewropew fi Brussell.
L-MPE Malti qal li s-sajjieda tradizzjonali ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati u saħaq li s-sajd tradizzjonali jrid ikun ippreżervat u megħjun bl-istess mod kif isir għall-istokks tal-ħut. Ir-raġunijiet mhumiex soċjali u kulturali biss, iżda hemm raġuni ekonomika b’saħħitha wkoll.
“Meta tfasslet il-politika tal-konservazzjoni tal-ħut is-sajjieda ma kinux irrappreżentati u assessjati b’mod adegwat biex jitħarsu l-interessi leġittimi tagħhom. Fl-istess ħin is-settur ‘industrijali modern’ sar politikament effettiv u kiber b’rata mgħaġġla. Din is-sitwazzjoni trid titranġa. Fortunatament, is-sajjieda tradizzjonali, anki dawk ta’ żoni remoti, saru aktar konxji dwar il-bżonn ta’ mobilizzazzjoni aktar effettiva. Anki issa, hemm min jikkonsidra s-sajd tradizzjonali bħala attivita` mhux vijabbli li trid tiġi ttollerata sakemm tmut mewta naturali.”
“Ivvotajt favur din ir-riżoluzzjoni għaliex tagħmel sforz serju biex tikkonsidra s-sajd tradizzjonali bħala parti integrali mis-settur tas-sajd tal-Mediterran. Ir-riżoluzzjoni tagħti lil membri ta’ din il-komunita` ta’ sajjieda l-prominenza li jistħoqqilhom, u fl-istess ħin hija realistika fil-qasam tal-immaniġġjar tal-istokks tal-ħut.” qal l-MPE Malti.
Ir-rapport isemmi t-tnaqqis kbir fl-istokks tal-ħut fil-Mediterran – aktar minn 90% tal-ispeċji li ġew assessjati qed jiġu esplojtati, b’uħud minnhom fuq ix-xifer ta’ kollass. Jirreferi għall-ħtieġa ta’ titjib fl-assessjar tal-istokks (ġbir ta’ informazzjoni, analiżi, suġġerimenti favur ‘database’ komuni).
Isemmi titjib fil-kontroll u s-sorveljanza, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-Mediterran (kemm tal-Unjoni u kemm dawk mhux fl-Unjoni), l-indirizzar tas-sajd illegali mhux rapportat u mhux regolat. Ir-rapport jirreferi wkoll għat-trattament preferenzjali lis-sajjieda tradizzjonali u l-ħtieġa ta’ garanzija ta’ dħul bażiku għas-sajjieda waqt ‘perjodi ta’ mistrieħ bijoloġiku’.
Ir-rapport jirreferi wkoll b’mod speċifiku għal taħdidiet fuq il-problema ta’ ġbir ta’ informazzjoni fir-rigward tas-sajd u l-ħtieġa li jkunu involuti aktar is-sajjieda fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Jitratta wkoll mal-fattur ta’ terzi pajjiżi u l-impatt li għandhom sajjieda mill-pajjiżi mhux tal-UE fuq is-sajd fil-Mediterran.
Ir-riżoluzzjoni addiet b’558 vot favur, 43 kontra u 35 astensjonijiet.