Dan huwa l-istaġjonalità; ċioe li t-turiżmu jkun marbut speċifikament ma’ xhur partikolari. Fil-każ ta’ Malta, għal żmien twil kien is-Sajf li kien jattira turisti.
Iżda għall-ewwel darba, Ottubru ta’ din is-sena rreġistra l-wasla ta’ aktar minn 200,000 turist. Skont l-aħħar figuri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika rajna li t-tkabbir fix-xahar t’Ottubru li għadda kien kważi ta’ 10% fuq dak reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra. L-infieq turistiku laħaq kważi €190 miljun f’dan l-istess xahar, jiġifieri 4.1% aktar minn Ottubru 2015.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fi stqarrija qal li jilqa b’sodisfazzjoni dawn il-figuri fid-dawl tat-tkabbir li qed isir f’dan is-settur mhux grazzi biss għall-istaġun tradizzjonali turistiku tas-sajf imma l-aktar għaliex l-akbar żidiet li qed jirreġistra pajjiżna huwa propju f’dawk ix-xhur meqjusa bħala shoulder months u low season.
“M’għadekx tisma b’lukandi u stabbilimenti ta’ l-ikel li jagħlqu jew inaqqsu l-operat tagħhom fl-istaġun xitwi.”
Żied jgħid li fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena diġa kważi ilħaqna iċ-ċifra rekord li rreġistrajna tul is-sena l-oħra sħiħa fl-ammont ta’ turisti li wasslu f’pajjiżna. Bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, l-infieq turistiku laħaq il-figura ta’ €1.54 biljuni, 3.3% aktar minn dak reġistrat fl-istess 10 xhur tas-sena 2015 u li ssarraf fi kważi €50 miljun aktar ta’ dħul dirett mit-turiżmu fl-ekonomija Maltija.
Interessanti li wieħed jinnota li bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena l-ammont ta’ turisti żdiedu b’aktar minn 445,000 fuq dak reġistrat fl-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, filwaqt li l-infieq turistiku kiber b’€338.1 miljun.