- Simon Busuttil huwa falz
Fl-attentat iddisprat tiegħu li jipprova jiġġustifika l-falzita tiegħu, Simon Busuttil prova jagħti l-impressjoni li hija normalità li imprenditur iħallas il-pagi tal-ħaddiema ta’ Partit politiku. “Le, mhijiex ħaġa normali” saħaq il-Ministru Chris Fearne f’ konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista.
Issa nifmhu għaliex Busuttil qal li ried lill-pajjiż jerġa’ lura għan-‘normalita’ għax in-normalità għalih tfisser propju dan qal Fearne – Simon Busuttil irid jerġa’ jieħu l-pajjiż lura għaż-żminijiet fejn il-PN kien immexxi lejn dawn it-tip ta’ interessi.
Inkixfet il-maskla li din hija n-normalità li biha jaħdem il-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk Busuttil huwa falz. Din hija xi ħaġa li ħoloq Simon Busuttil stess u mhux intirtet minn amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista preċedenti.
Ma’ dan qablet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli li saħqet li minkejja li Simon Busuttil pinġa lilu nnifsu bħala mexxej ġdid imma issa ta prova ċara kristall li huwa parti mir-reġim l-antik tal-Partit Nazzjonalista- u jbagħti bl-istess problema kbira ta’ governanza ħażina.
“Jipprova jpinġi lilu nnifsu bħala paladin tas-serjetà u tal-onestà – imma huwa Kap tal-Oppożizzjoni FALZ”
Dalli fakkret kif Busuttil min-naħa jitkellem dwar governanza onestà u trasparenza u jgħid li ma jrid ikun fil-but ta’ ħadd u min-naħa l-oħra naraw kif kien jaf b’kollox u kellu ftehim biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema.
Aktar minn sempliċi ħaddiema, iħallas l-aktar żewġ ħaddiema li għandhom grad ogħli, li jieħdu d-deċiżjonijiet u li għandhom ċertu saħħa u awtorità.
“L-Onorevoli Busuttil għadu sieket jekk hemmx pagi oħrajn li huma mħallsa b’sorsi kummerċjali oħra.”
Dan mhuwiex atteġjament normali saħqu l-Ministri Laburisti. Fakkru kif fl-istess ħin li nhar il-Ħadd kien qed jgħajjat bil-kunflitt t’ interess ta’ Mario Demarco, b’ falzita kbira, kellu kunflitt t’interess hu stess meta kien qed jirċievi l-pagi tal-ħaddiema tal-PN min-negozjanti.
Il-Ministri fakkru wkoll fis-sistema sigrieta ta’ ċedoli tal-Partit Nazzjonalista, u kif sal-lum għadna ma nafux min huma n-nies li qed jiffinanzjaw b’ mod sigriet lill-PN.
L-avvenimenti tal-aħħar ġranet nisslu dieqa fost dawk li jridu politika onesta. “Il-politika onesta ta’ Simon Busuttil kienet biss faċċata” saħaq il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Iżda appella lill-poplu biex ma jpoġġix lill-politiċi kollha huma tal-istess keffa, hemm politiċi li jħarsu b’ mod imparzjali, stqarr Fearne.