Fl-aħħar messaġġ tiegħu għall-Jum il-Milied, il-President ta’ Malta George Vella tkellem dwar esperjenzi u sfidi li sab quddiemu tul il-Presidenza tiegħu.
Il-President tenna kif waqt li aħna qegħdin fil-kenn ta’ djarna, hemm eluf li minħabba l-gwerer jinsabu bla saqaf fuq rashom.
“Hemmhekk, bħalissa, minflok il-ferħ tat-twelid, mijiet ta’ trabi qed jitilfu ħajjithom b’mod indiskriminat. Dan qed insemmih għax hija tassew ħasra, li fid-dinja avvanzata tal-lum għadna naraw xeni ta’ qsim il-qalb bħal dawn. Qed ngħidu wkoll biex flimkien napprezzaw l-għożża u l-kumditajiet li aħna mdawrin bihom. Napprezzaw kemm hija sabiħa l-paċi.”
Dr Vella qal li minkejja li bħalissa nisimgħu ħafna dwar ċelebrazzjonijiet, hemm min intlaqat minn xi aħbar ħażina ta’ saħħa, min tilef lil xi ħadd għażiż għalih, min qed ibati s-solitudni jew min għaddej minn sfidi ta’ saħħa mentali.
Dawn huma kollha każi li ltaqa’ magħhom tul il-Presidenza, u rringrazzja lill-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund għall-ħidma li twettaq, anki fi żmien ta’ sfidi kbar bħalma kienet il-pandemija.
“Anki fl-eqqel tal-pandemija, sar kulma kien permess biex ma ngħidux ‘le’ lil kull min fittex l-għajnuna tagħna. Bħas-snin ta’ qabel, għada ser inkomplu b’din il-ħidma biex, kemm jista’ jkun, tittaffa t-tbatija fiżika ta’ min għaddej b’xi kura, u tingħata għajnuna lil kull min jitlobha.”
Huwa semma dan fi sfond li l-għada tal-Milied se ssir edizzjoni oħra tal-Istrina.
Il-President George Vella rringrazzja lin-nies tal-inkoraġġiment li bosta waslulu matul il-Presidenza biex jibqa’ għadda bil-ħidma minkejja li kien hemm sfidi kbar.
“Nagħlaq dawn il-kelmtejn billi, f’ismi u f’isem Miriam, nixtieq lilkom u l-għeżiez tagħkom Milied ħieni, l-hena u l-għaqda għas-Sena l-Ġdida, u fuq kollox is-saħħa. Grazzi.”