Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ltaqgħet mal-President tal-Konfederazzjoni Żvizzera Alain Berset, waqt żjara uffiċjali l-Iżvizzera.
Waqt laqgħa li kellhom, flimkien mad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom, iż-żewġ Presidenti tkellmu fuq it-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, u fuq kooperazzjoni fuq temi ta’ livell globali, fosthom iż-żamma tal-paċi, is-sigurtà, l-edukazzjoni u l-immigrazzjoni.
Il-President Berset faħħar ix-xogħol li qiegħed isir mill-Akkademja Mediterranja tal-Istudji Diplomatiċi, li hija storja ta’ suċċess u frott ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Iżvizzera. Huwa qal li l-Iżvizzera ser tibqa’ kommessa li tikkollabora mal-MEDAC, liema kollaborazzjoni ser tkun qed tiffoka fuq boroż ta’ studju mill-2019 ’il quddiem.
Filwaqt li rringrazzjat lill-President Berset, il-President Coleiro Preca tenniet li matul dawn l-aħħar tletin sena, il-MEDAC, li huwa partnership kostruttiv bejn Malta u l-Iżvizzera, kien sors ta’ empowerment għal aktar minn 800 żagħżugħ u żagħżugħa mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq, biex dawn jsiru diplomatiċi li jemmnu fid-djalogu u jkunu jistgħu iqarrbu pajjiżi flimkien għall-paċi.
“Malta u l-Iżvizzera jistgħu jkunu pontijiet għall-paċi u għad-djalogu biex jġibu l-popli u r-reġjuni tagħna flimkien. Flimkien nistgħu nagħmlu statements kbar, u nistgħu wkoll noħolqu mudell effettiv li jkun jista’ jiġi replikat minn pajjiżi oħrajn,” tenniet il-President Coleiro Preca, filwaqt li qalet li l-kuntatt bejn iż-żewġ pajjiżi ma’ jridx isir biss fuq livell uffiċjali, iżda appellat biex jiġu stabbiliti kuntatti u konnessjonijiet bejn is-soċjetà ċivili Maltija u dik Żvizzera.
Hija qalet li b’dan il-mod, jkun qiegħed jiżdied il-kuntatt people-to-people, liema kuntatt jwassal sabiex ir-relazzjonijiet diplomatiċi u politiċi jkunu jistgħu jsiru aktar sostenibbli. Il-President qalet li l-konnettività diretta mill-aqwa li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi tgħin ukoll fl-iżvilupp ta’ kuntatti ġodda.
Iż-żewġ pajjiżi kkonfermaw ukoll li ser jkunu qed jagħtu l-appoġġ lil xulxin, għall-kandidatura rispettiva tagħhom għal post mhux permanenti, fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, għas-snin 2023-2024.
Tul din iż-żjara, il-President Coleiro Preca kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli, u Tibdil fil-Klima José Herrera.