Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qiegħed isibha diffiċli biex jassigura maġġoranza li biha jista’ jibqa’ fit-tmun tal-pajjiż.
Għalkemm ir-riżultat mhuwiex wieħed konklussiv madwar 90% tal-voti huma magħduda. Qed ikun ipproġettat li l-Partit Lukid ta’ Netanyahu qiegħed fit-triq sabiex jikseb 59 siġġu fil-parlament. Dan huwa tnejn inqas mill-61 siġġu għal maġġoranza fil-Knesset.
Żvilupp interessanti f’dawn ir-riżultati indikativi huwa li l-Partit Għarbi bl-isem ta’ Raam, qed ikun ipproġettat li ser jikseb ħames siġġijiet. Dan ifisser li ser ikollu l-poter li jingħaqad f’koalizzjoni fil-Gvern.
Ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni ser iħalli effetti kbar fix-xena politika Iżraeljana, speċjalment fuq ir-relazzjonijiet mal-Palestinjani.