Irridu nassiguraw li persuni bl-epilessija jiġu inklużi fis-soċjetà tagħna, billi jingħataw id-dinjità u l-importanza kollha meħtieġa
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca għamlet diskors waqt il-ftuħ tal-konferenza nazzjonali dwar l-epilessija organizzata mill-Caritas Malta Epilepsy Association, intitolata ‘Epilepsy: Finding Help’.
Waqt din il-konferenza, il-President Coleiro Preca appellat lill-awtoritajiet, lill-attivisti fis-soċjetà ċivili, lill-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur, lill-pubbliku, kif ukoll lill-media Maltija, biex juru l-importanza ta’ għarfien akbar dwar l-epilessija. Hija qalet dan fid-dawl tal-fatt li għad hemm ħafna stigma fuq dan is-suġġett.
Il-President ħeġġet lill-parteċipanti tal-konferenza biex ikomplu jaħdmu u jmexxu l-kelma, “ħalli jkollna kampanja ta’ għarfien u edukazzjoni b’risq dawn il-persuni milquta.”
“Huwa essenzjali li tfal li għandhom l-epilessija jkunu integrati tajjeb f’ambjent ta’ tagħlim fl-iskejjel, u li l-edukaturi u min iħaddem ikunu konxji tar-realtajiet tal-epilessija”, stqarret il-President, filwaqt li ħeġġet lill-edukaturi u lil min iħaddem biex ikunu kuraġġużi u qalbhom miftuħa sabiex jagħmlu d-differenza importanti fil-ħajja ta’ dawn it-tfal.
Il-President Coleiro Preca kkonkludiet ukoll li grazzi għal din il-konferenza u l-għan tagħha biex tqajjem kuxjenza dwar il-bżonn li tinstab għajnuna għal persuni bl-epilessija, se jkun hawn aktar għarfien u aktar aċċessibbilità għas-sapport meħtieġ b’risq il-persuni milquta minn din il-kundizzjoni u b’risq is-soċjetà Maltija kollha.