Waqt it-tieni diskussjoni taħt it-tinda bit-tema “Fil-Pjazza ma’ Alex” fil-pjazza ta’ Raħal il-Ġdid, il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dr Alex Agius Saliba saħaq fuq il-bzonn li l-Unjoni Ewropea tiġġedded sabiex tibqa’ tkun relevanti u viċin iċ-ċittadini. Huwa qal li dan jista’ jsir permezz ta’ aktar attenzjoni fuq elementi soċjali, u semma b’mod partikolari mizuri favur aktar aċċessibilità għal persuni b’abbiltajiet differenti, u kif ukoll il-bzonn ta’ aktar mizuri leġizlattivi li jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini.
B’konnessjoni ma’ dan saret referenza għad-diskussjoni li Dr Agius Saliba qajjem ftit jiem qabel rigward ir-Right to Disconnect, fejn huwa sostna li l-ħaddiema għandhom jingħataw il-protezzjoni legali xierqa biex l-użu ta’ għodod teknoloġiċi “ġodda” ma jġiegħelx lill-ħaddiema jkunu kostretti jibqgħu jaħdmu barra l-ħin tax-xogħol. Agius Saliba qal li jemmen li dan id-dritt għandu jiddaħħal fil-liġi tax-xogħol Maltija u tenna li jekk jiġi elett fil-Parlament Ewropew, ser ikun qiegħed jaħdem biex dan id-dritt u oħrajn simili li jgħinu biex jogħla l-livell t’għixien jingħataw liċ-ċittadini Ewropej kollha.
Dr Agius Saliba tkellem ukoll fuq l-użu rikreattiv tal-kannabis, fejn qal li dan is-suġġett irid jingħata l-importanza li jistħoqlu u m’għandux jibqa’ jkunu trattat bħala tabù, għaliex din hija realtà b’impatt reali fuq is-soċjetà.
Huwa kkummenta wkoll fuq it-tluq tar-Renju Unit mill-UE, fejn qal li l-punt ta’ tluq għandu jkun li l-Unjoni tifhem li dan huwa sinjal ċar li mhux kollox ward u żahar, u għandha titgħallem minn dan l-episodju għaliex ċertament dan is-sentiment ta’ skuntentizza jinħass ukoll fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, u anke fl-isfond tal-fatt li l-UE qiegħda dejjem tfittex li żżid il-kompetenzi tagħha, il-kandidat Laburista qal li hemm bżonn li l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin kollha jiġbdu ħabel wieħed sabiex jiddefendu l-interessi tal-pajjiż.
Fost dawk preżenti għal din id-diskussjoni, kien hemm id-Deputat Prim Ministru Dr Chris Fearne, il-Ministru għat-Turiżmu Dr Konrad Mizzi, u l-whip tal-Gvern Dr Byron Camilleri, filwaqt li s-Segretarju Parlamenatari Silvio Parnis għadda l-messaġġ tiegħu permezz ta’ filmat irrekordjat.
Fl-interventi tagħhom ilkoll faħħru l-inpenn u d-dedikazzjoni li minn dejjem kellu Dr Agius Saliba, filwaqt li tennew li huwa għandu kwalitajiet importanti ħafna li jgħinuh biex jaħdem għall-ġid ta’ Malta fil-Parlament Ewropew u jkun rapprezentant denju.