Huwa meħtieġ li l-Forum Żgħażagħ Laburisti tkun aktar avante garde, li tkun pass aktar ‘l quddiem mill-Partit Laburista u ma tiddejjaqx tiddiskuti materji li jkunu jaħarqu anke jekk il-Partit Laburista stess ma jkunx qed jaqbel magħhom.
Stqarr dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Forum Żgħażagħ Laburisti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-Ħamrun.
Joseph Muscat tkellem ukoll il-ħtieġa ta’ aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u tkellem favur l-inklużjoni tal-kwoti, l-istess bħal ma kien sar fil-Partit Laburista wara emendi fl-istatut biex aktar nisa setgħu jidħlu fl-Eżekuttiv Nazzjonali. Dr Muscat għamel referenza wkoll għall-importanza li nkunu ottimisti, pożittivi u li jkun hemm akar djalogu. L-iktar ħaġa faċli li tagħmel meta tkun ikkritikat u attakkat hija li taħraq il-pontijiet, aħna rridu nkomplu niftħu l-bibien u nilqgħu lil kulħadd għax mhux kulħadd huwa bħat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, saħaq il-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru saħaq li fl-istorja ta’ pajjiżna l-ebda Gvern ma ħoloq xogħol u naqqas in-nies minn fuq ir-reġistru tal-qgħad minn dan il-Gvern u dan illum qed jippermetilna li nitkellmu mhux fuq kif se jkun il-maħluq ix-xogħol iżda lix-xogħol ikun ta’ kwalità u pagi aħjar.
Fl-aħħarnett Dr Muscat stqarr li hemm bżonn li nkunu ambizzjużi u free thinkers u jinġabru l-ideat kollha li tant nitkellmu fuqhom.