F’eku ta’ numru ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq, it-tabib tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri appella għal bidla fil-mentalità dwar il-kultura tas-sigurtà fis-soċjetà Maltija.
Fuq il-midja soċjali, it-tabib li għandu snin ta’ esperjenza fuq inċidenti u traġedji, kiteb li dejjem ra fattur komuni; in-nuqqas ta’ kultura ta’ sigurtà li tirrenja fis-soċjetà.
Huwa spjega kif bħala soċjetà, m’għandniex idea tal-kultura tas-sigurtà – kemm fejn jidħol l-użu t’apparat protettiv fuq il-post tax-xogħol, kemm dwar is-sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol jew is-sustanzi, u anki fejn jidħol is-sewqan eċċessiv, fost diversi affarijiet oħrajn.
Huwa kompla jikteb li hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura, bħal meta żmien ilu kienet in-norma li persuna tpejjep ġo ristorant, iżda issa din m’għadhiex tiġi aċċettata min-nies stess.
“Sa dakinhar, in-nies se jibqgħu jmutu u l-biki ta’ dakinhar mhu se jsolvi xejn. Din hija diżordni li trid tiġi solvuta iżda xejn mhu se jinbidel jekk ma tinbidilx il-kultura tagħna.”