Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li hemm benefiċċji għal saħħet il-bniedem, meta wieħed jieħu tilqim differenti għall-Covid-19.
Meta kienet qed titkellem fuq il-programm ONE Breakfast, dalgħodu, il-Professur Gauci kwotat studju u semmiet kif għaddej it-tilqim bid-doża addizzjonali.
Prof. Gauci qalet li kulħadd huwa eleġibbli biex jieħdu d-dożi addizzjonali, irrelevanti liema vaċċin ħadu, madankollu d-dożi addizzjonali li huma approvati mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina (l-EMA) huma tal-Pfizer u l-Moderna.
Hija qalet ukoll li wieħed jista’ jieħu tilqima tal-influwenza u d-doża addizzjonali tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 fl-istess żmien. Imma l-pubbliku jrid jifhem li t-tilqima tal-influwenza ma tagħtix protezzjoni kontra l-Covid-19, għaliex dan huwa virus kompletament differenti.