Attwalment hemm mija u erbgħin persuna barranija li qed tinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni minħabba xi irregolarità għall-preżenza tagħhom f’pajjiżna.
Iċ-ċifra ngħatat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari fl-aħħar jiem, waqt li ta rendikont f’dan ir-rigward tal-persuni u ċ-ċittadinanzi varji, kif allegati minnhom.
Fil-Parlament, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Darren Carabott, staqsa lill-Ministru dwar x’inhuma n-nazzjonalitajiet u kemm-il persuna hemm fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Camilleri qal, sal-bidu ta’ dan ix-xahar, l-okkupanza fiċ-ċentri ta’ detenzjoni hi mqassma fi tliet żoni separati skont in-nazzjonalità allegata u l-bżonnijiet tagħhom jew il-leġizlazzjoni applikabbli.
Mil-lista tal-ammonti skont iċ-ċittadinanzi, li ppreżenta fil-Parlament il-Ministru Camilleri, jirriżulta li l-akbar ammont ta’ barranin fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ġejjin mill-Bangladesh, li jlaħħqu kważi erbgħa u erbgħin fil-mija. Warajhom jiġu dawk mill-Pakistan.
Barranin oħrajn, li ma jaqbżux l-ammont ta’ għaxra, ġejjin minn tlieta u għoxrin pajjiż differenti, fil-maġġoranza Ażjatiċi jew Afrikani, għalkemm fil-lista hemm inkluża persuna li hu rreġistrat fuq il-Ġermanja.
Il-Ministru kompla jgħid kif numru sostanzjali minn dawn il-persuni ġew arrestati wara li nstabu qed jgħixu f’pajjiżna b’mod irregolari u l-awtoritajiet qed jagħmlu l-preparamenti meħtiega biex, fil-jiem li ġejjin, jiġu rritornati fil-pajjiżi rispettivi.
Dan se jkun qed isegwi d-diversi każi ta’ ripatrijazzjoni li qed isir minn pajjiżna ta’ dawn l-immigranti irregolari.