Ans Ghoban, Ungeriż ta’ 27 sena ingħata bail wara li kien ilu taħt arrest minn Lulju b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil b’konnessjoni ma’ każ fejn żewġ irġiel qalgħu daqqiet ta’ sikkina f’Wied il-Għajn.
Hu kien arrestat ma’ Adnan Saed, Libjan ta’ 30 sena wara li dawn kienu nvoluti f’argument li aktarx faqqa’ waqt li kienu qed jinnegojzaw bejgħ ta’ nofs kilogramma kokaina. Wieħed mill-irġiel li sfaw midruba f’dan l-argument kien Michele Artale ta’ 52 sena miż-Żurrieq li fil-passat kien akkużat bi traffikar ta’ droga.
L-imputat qiegħed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil u li kkawża ġrieħi gravi fuq il-vittmi, apparti li kien akkużat ukoll li m’obdhiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li ta dettalji foloz u li kien riċediv.
F’digriet mogħti mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera onorat it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-avukat Ishmael Psaila li qed jirrapreżenta lil Ghoban, fuq numru ta’ kundizzjonijiet b’depożitu ta’ għaxart elef ewro u garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro.