Ingħata l-ħelsien mill-arrest Karl Vella Petroni ta’ 41 sena, li jinsab mixli li qatel lil żewġt irġiel b’mod involontarju, f’inċident li seħħ fis-sitta ta’ Mejju.
Il-vittmi huma Pakistani ta’ 42 u 33 sena, u l-inċident seħħ il-Mosta.
F’seduta ta’ qabel, il-Qorti sabet biżżejjed provi sabiex Karl Vella Petroni jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Fil-Qorti kien ħareġ li l-akkużat allegatament ittestja fil-pożittiv li kien xurban, il-kokaina u l-kannabis, waqt li kien qed isuq fid-direzzjoni l-ħażina.
F’digriet maħruġ mill-Maġistrat Victor Axiak it-Tlieta, Vella Petroni nħeles mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti.
Dawn jinkludu s-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-Probation, u jittestja għad-droga darbtejn fil-ġimgħa.
Irid ukoll jiffirma l-għassa darbtejn kuljum u li ma jsuq l-ebda vettura.
L-Avukati Difensuri huma Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.