Mara ta’ 42 sena mill-Ħamrun u li ma taħdimx, ingħatat il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet il-Qorti akkużata li kellha fil-pussess tagħha d-droga kokaina.
Fil-Qorti l-Ispettur Alfredo Mangion, qal li l-Pulizija waslitilha informazzjoni li kienet qed tiġi traffikata d-droga f’appartament f’Marsaskala.
Spjega li bdew jissorveljaw iż-żona fejn raw il-mara ħierġa mill-appartament u arrestawha. Kien hawn li sabu fuqha tliet qratas ta’ droga suspettata kokaina kif ukoll 100 gramma oħra droga kokaina.
Il-mara wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħha.
L-Avukat difensur Ismhael Psaila talab għall-ħelsien mill-arrest. Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni oġġezjonat għal din it-talba, anke għall-fatt li mal-arrest tagħha l-mara għamlet fratterija u pruvat taħbi d-droga dak il-ħin.
Qal ukoll li l-mara għandha passat notevoli marbut mad-droga. Intqal ukoll kif hi dipendenti ħafna fuq id-droga filfatt l-avukat difensur David Gatt qal li din mhux ħabs għandha bżonn iżda kura għal vizzju li għandha.
Qal ukoll li l-mitt grama kokaina ma kienux tagħha imma nstabu mal-art.
Il-Maġistrat tat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li l-mara tibda programm għal kontra l-vizzju tad-droga.
ARA WKOLL: