Jirriżulta li hemm biżejjed provi biex is-suspettat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia, li seħħ fil-Marsa x-xahar li għadda, jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Iżda, il-Maġistrat Aaron Bugeja qal li irid ikompli l-ġbir tal-provi fil-kumpilazzjoni. Fl-istess ħin il-Maġistrat Bugeja ddeċieda favur il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, li x’ħin sema’ l-aħbar deher emozzjonat u l-qraba tiegħu ferħu barra l-awla tal-qorti.
Deniro Magri, ta’ ħamsa u għoxrin sena, huwa akkużat li qatel lil Farrugia u d-difiża tiegħu qalet li hu qatt ma ried joqtol iżda kien qed jipprova jbeżża’ tnejn minn nies li kienu se jaħarqu d-dar tiegħu.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ għoxrin elf ewro u garanzija bankarji ta’ tletin elf ewro. Dan flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra bħal fatt li l-akkużat irid jiddepożita l-Qorti d-dokumenti personali u jiffirma l-għassa tal-Ħamrun kuljum.