Josef Zammit ta’ 28 sena minn Bormla ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien ilu jinżamm arrestat mill-bidu ta’ Mejju fuq pussess ta’ droga.
Huwa kien tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ pussess ta’ droga kokaina, eroina u kannabis. Fil-pussess tiegħu kellu €6,000 fi flus kontanti. Zammit, magħruf bħala l-“Marozz”, kien ġie arrestat waqt li kien mat-tfajla tiegħu ta’ 15-il sena.
Fil-Qorti ntqal li fi tfittxijiet li għamlu l-Pulizija f’żewġ t’idjar oħra f’Bormla sabu aktar droga, flus kontanti u armi.
Zammit li huwa riċediv ġie akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus, li hedded pulizija u li m’obdiex l-ordnijiet tagħhom, u li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ minuri.
Hekk kif fil-qorti bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza, xehdet fil-magħluq t-tfajla tiegħu ta’ ħmistax-il sena.
Xehed ukoll bejjiegħ tal-karozzi li qal li Josef Zammit xtara karozza ta’ tip Corvette mingħandu li tiswa €52,000. Il-bejjiegħ tal-karozzi qal li ttrasferrixxa kollox fuq missier l-akkużat.
L-avukati tiegħu, Franco Debono u Marion Camilleri, għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest.
Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000.