Aħna minn qalbna nsellmulek, Malta!
Ifraħ u thenna, Ġenna ta’ Sliem!
Fuqek qatt aktar barrani ma jaħkem.
Ħares ferħana, Malta, ’l quddiem.
Dawn huma l-versi mill-innu ‘Lil Malta f’Jum Il-Ħelsien’, li l-poeta Malti Karmenu Vassallo niseġ biex żewwiġhom mal-mużika li kkompona l-kompożitur magħruf Grieg Mikis Theodorakis.
Dan l-innu kien indaqq għall-ewwel darba f’dik il-lejla kiesħa u xitwija tal-31 ta’ Marzu tal-1979, mill-Orkestra Filarmonika ta’ Berlin taħt it-tmexxija ta’ Herbert von Karajan.
Jum il-Ħelsien ifakkar il-ġurnata li mmarkat il-ħelsien tal-gżejjer Maltin minn kull qawwa barranija għall-ewwel darba fl-istorja tagħha. Wara għexieren ta’ snin bħala bażi militari u navali, il-Maltin permezz ta’ din il-gurnata kellhom, fl-aħħar, is-sovranità totali ta’ arthom.
Dan kollu seħħ meta l-bażi militari Ingliża ngħalqet fil-31 ta’ Marzu tal-1979.
Dwar il-mument storiku ta’ Jum il-Ħelsien u fl-okkażjoni tal-44 sena mill-ewwel jum ta’ Malta Ħielsa, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff, tkellimna mal-eks speaker tal-Kamra tad-Deputati Myriam Spiteri Debono, li saħqet li l-Innu ta’ Jum il-Ħelsien għadu relevanti ferm għal-lum il-ġurnata. Staqsejniha timrah ftit dwar l-esperjenza tagħha f’dik il-lejla.
“Il-kliem, ngħidlek, li għal kull ġens li jkun għadda minn ħakma, għandu jkollu sinifikat, għalkemm sar u miktub għalina partikulari. Kien kważi, kważi kumpliment mill-Gvern Grieg li kien lil Dom Mintoff, is-Socjalisti Grieg kienu jistgħu iżommuh b’rispett.”
Ma’ Myriam Spiteri Debono kellimna wkoll fuq is-sinifikat ta’ Jum Il-Ħelsien.
“L-aktar ħaġa li meta nsemmi l-Ħelsien niftakar, hija fil-frażi ‘ħelsien, ħobż’. Malta dejjem riedet ix-xogħol u għalhekk kien hemm min kellu l-kuraġġ u kelli ħobżu mal-forzi Ingliżi, xorta emmen fl-għajta ta’ ħelsien. Rajna f’idejna tfisser tliet prinċipji: il-ħelsien politiku biex tiddeċiedi, il-ħelsien ekonomiku li inti toħloq ix-xogħol biex in-nies jgħixu aħjar, u t-tielet fuq livell soċjali.”
Il-Partit Laburista se jkun qed ifakkar Jum Il-Ħelsien nhar il-Ħamis filgħaxija, biswit il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu, bil-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela.