Pajjiżna għamel trasformazzjoni ekonomika.
Dan kien is-sentiment espress fost kelliema li pparteċipaw f’diskussjoni mmexxija mill-ġurnalist veteran Reno Bugeja, dwar l-indipendenza ekonomika li pajjiżna beda jgawdi minnha mill-Ħelsien, f’attività tal-Partit Laburista fl-Imtarfa.
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, li kien akkumpanjat minn żewġ ekonomisti oħra, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri u d-Deputat Laburista Cressida Galea, fakkar kif pajjiżna kien ekonomikament dipendenti minn fuq l-Ingliżi għalhekk il-Ħelsien ried ifisser ukoll ħelsien ekonomiku.
Madanakollu dan jista’ jibqa’ jitgawda biss jekk jibqa’ jitħaddan il-prinċipju tal-għaqal.
“U allura f’dak li għandu x’jaqsam il-ħelsien tagħna, kif imma? Il-ħelsien milli ħaddieħor jagħfas fuqna, jirwielna idejna milli nagħmlu dak li jridna nagħmlu. Dak nistgħu nżommuh kemm il-darba nibqgħu għaqlin aħna.”
Il-Ministru Clyde Caruana
Il-ħelsien ekonomiku kien ukoll spunt li tkellem dwaru l-Ministru Schembri li, fost l-oħrajn, ta elenku ta’ kif il-politika ekonomika fl-aħħar diċenji inbidlet taħt amministrazzjonijiet differenti li wasslu lil pajjiżna għal fejn qiegħed llum. B’hekk stqarr kif irid jara li l-ekonomija timxi ‘l quddiem anki permezz tal-Vizjoni Malta 2050.
“Ir-rivoluzzjoni li jrid jagħmel Gvern Laburista u ħa jkun qiegħed jagħmilha għax determinati li nagħmluha hija li s-suċċess ta’ pajjiżna nibdew inkejluh kif l-individwu, kif il-familji Maltin u Għawdxin qed javvanzaw bil-kwalità tal-ħajja tagħna.”
Il-Ministru Silvio Schembri
Il-Membru Parlamentari Cressida Galea tkellmet dwar ir-reżiljenza ta’ pajjiżna u kkuntrastat b’mod partikolari d-deċiżjonijiet ta’ awsterità li ttieħdu b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika tal-2008 minn amministrazzjoni Nazzjonalista għal mod kif Gvern Laburista affaċċja l-isfidi tal-pandemija.
“Li kieku ma kienx hemm dik il-fiduċja fil-Gvern ma kienx ikun hemm dik il-fiduċja fl-ekonomija Maltija. Dan għaliex il-poplu esperjenza firsthand id-deċiżjonijiet differenti ta’ Gvern Laburista mid-deċiżjonijiet li kien ħa Gvern Nazzjonalista fi kriżi differenti.”
Id-Deputata Laburista Cressida Galea