Fil-jiem li ġejjin, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, żewġ awtoritajiet li kellhom numri separati, se jkunu qed jingħaqdu flimkien permezz ta’ numru wieħed.
Biex b’hekk, b’dan in-numru, kull persuna se tkun tista’ taqbad lil dawn iż-żewġ awtoritajiet f’sistema waħda ċentralizzata, fuq dak kollu li għandu x’jaqsam rigward kostruzzjoni, saħħa u sigurtà.
Fil-fatt, il-helpline, jara li l-inforzar ikompli jintensifika b’taqsima ċentralizzata li tissorvelja l-inforzar fis-settur.
Il-helpline, li qed isir ukoll b’kollaborazzjoni ma’ Servizz.gov, se joffri serħan il-moħħ għal dak kollu li għandu x’jaqsam maż-żewġ awtoritajiet rispettivi.
Romina Rieck Zahra, Manager fi ħdan l-OHSA spjegat li ġew ingaġġati l-aġenti li se jkunu qegħdin jirrispondu liċ-ċittadini li jċemplu fejn anke kien hemm it-taħriġ relatat.
“Dan is-servizz se jkun qiegħed joffri lill-ħaddiema kollha, lil min iħaddem u anke lil minn qiegħed jaħdem għal rasu, fi kwalunkwe post tax-xogħol f’Malta u Għawdex. Tista’ ċċempel fuq dan in-numru, u tistaqsi kwalunkwe informazzjoni li għandek bzonn fuq is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”
Janet Debrincat, li hi l-Head tal-Customer Care tal-BCA, spjegat li l-mument li ġew informati dan il-helpline, l-entitajiet involuti għamlu diversi laqgħat biex ikun hemm pjan ċar kif se jkun qiegħed jaħdem dan is-servizz.
“Flimkien ma’ dawn il-laqgħat ukoll kien hemm training, li ġie provdut min-nies u l-esperti tagħna fejn hemmhekk ħadna l-opportunità li jiġi spjegat x’inhi l-Awtorità u xi tkun qed tagħmel bħala xogħol biex huma jkunu preparati bl-aħjar mod biex iwieġbu kull tip ta’ mistoqsijiet li mistenija jirċievu fil-jiem li ġejjin.”
Minn informazzjoni li għandu ONE News, bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti fejn saħansitra qegħdin isiru telefonati fittizji lill-aġenti biex ikunu ppreparati għal nhar it-Tnejn meta jibda jopera.
Wieħed irid isemmi wkoll li din il-helpline hija waħda mill-inizjattivi li kienu ġew imħabbra dakinhar li ġiet ippubblikata l-inkjesta pubblika li ġiet ippublikata lejn l-aħħar ta’ Frar li għadha.
Dakinhar, kemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attad, kienu ħabbru sett ta’ ħames inizjattivi immedjati li kien se jkun qiegħed jaħdem fuqhom il-Gvern.