Pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni diffiċli. Sitwazzjoni li ħafna minna, biex ma ngħidx ħadd minna, qatt ma esperjenzawha. Sitwazzjoni li tinħtieġ li lkoll kemm aħna, aħna min aħna, niġbdu ħabel wieħed biex noħorġu minnha bl-inqas danni possibbli.
Sitwazzjoni bħal din tinħtieġ li nwarrbu min-nofs il-politika partiġġjana, mhux bil-kliem, imma bil-fatti. Jien naqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li m’aħniex f’kampanja elettorali, imma l-mod kif qiegħda ġġib ruħha l-Oppożizzjoni turi li qiegħda tipprova tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni biex tipprova, mingħaliha, tieħu xi vantaġġ politiku.
Ta’ kuljum qiegħda tistieden lill-ġurnalisti biex tmaqdar dak li qiegħed jagħmel il-Gvern. Tisma’ dak li għandhom xi jgħidu huma biss, taħseb li l-Gvern mhu qiegħed jagħmel xejn. Għax kieku xi darba jgħidu li dan pass tajjeb, jew din miżura tajba!
Tipprova tingħoġob ma’ kulħadd billi tagħmel tagħha l-proposti li jagħmlu l-korpi kostitwiti, jew uħud minnhom, u allura toħroġ tappoġġjahom. Inkella tagħmel proposti irresponsabbli, bla ma jkunu costed, propju biex tingħoġob ma’ kulħadd, kemm mal-employers, kif ukoll mal-ħaddiema. Affarijiet simili, isiru mill-Partit Nazzjonalista f’kull kampanja elettorali.
Naħseb li bħali tiftakruhom il-ħafna wegħdi li kienu għamlu. Bħali tiftakru li meta kienu jkunu mistoqsija kemm se tiswa dik il-wegħda, kienu jitfixklu u t-tweġiba tagħhom kienet tkun ‘imbagħad naraw’.
Lanqas qegħdin jiddejqu jikkontradixxu lilhom infushom. Biex jingħoġob, il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ spiss jirrepeti li għandu fiduċja fl-awtoritajiet tas-saħħa, imma fl-istess nifs iħeġġeġ lill-Gvern biex ma joqgħodx fuq il-pariri tagħhom, meta qegħdin jgħidu li għandna mmorru għal lockdown.
Dejjem hekk kienu. Jippruvaw jieħdu vantaġġ politiku minn kull sitwazzjoni, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Hekk kienu u hekk jibqgħu.