F’kollegament fuq ONE Radio, waqt il-programm Paperscan, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-proċess ta’ tiġdid fil-Partit Laburista biex ikun dejjem verżjoni aħjar tiegħu nnifsu.
Qal, “Bħalissa l-Partit Laburista għaddej min dak li nemmen huwa wieħed mill-akbar proċessi ta’ tiġdid fl-istorja. Ħassejna l-ħtieġa li nagħmluha biex nibqgħu dejjem aktar appellabli għall-firxa sħiħa tas-soċjetà tagħna u nibqgħu moviment aktar miftuħ. Jiena x’nemmen jiena li s-suċċess ta’ kull Partit politiku jiġi biss minn kemm inti jirnexxilek tkun miftuħ bil-policies tiegħek għall-firxa sħiħa tas-soċjetà.”
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar ġimgħa ta’ sensazzjonaliżmu min-naħa tal-Partit Nazzjonalista.
Hawnhekk qal kif fil-fatt l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Qorti, ħadet ukoll id-deċiżjoni li tipproteġi l-proċess ġudizzjarju mill-attakki perikolużi fuq l-integrità tal-proċess li għamlu nies tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru semma kif dan il-Gvern fl-aħħar erba’ snin żied strutturi ġodda għal iktar skrutinju. Eżempju ta’ dan huwa meta Gvern Laburista ħoloq sistema ġdida b’erba’ maġistrati responsabbli speċifikament fuq inkjesti maġisterjali. Però tenna li mhuwiex aċċettabli li xi ħadd imur fuq il-midja soċjali jitfa’ t-tajn fuq il-governanza tajba ta’ dan il-Gvern b’ allegazzjonijiet infondati.
Qal, “Dawk il-persuni l-oħra li qegħdin iħarsu u jgħidu jien għandi vokazzjoni li nkun ta’ servizz għal dan il-pajjiż fil-qasam politiku, dik il-politika qegħdin noffrulhom? Dik it-tip ta’ politika li ddaħħlek il-qtiegħ il-qalb milli tipparteċipa fiha? Iva rrid politika ta’ skrutinju, iva rrid li kull fejn hemm xi ħaġa li mhijiex sewwa l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji tagħna jkollhom l-għodod u r-riżorsi kollha biex jaġixxu dwarha u dak tajnih. Imma fejn ikollok politika ta’ tfiegħ ta’ tajn le.”
Mistoqsi dwar il-Konferenza Ġenerali li tibda b’votazzjoni fit-13 u l-14 ta’ Settembru, huwa nnota l-attiviżmu b’saħħtu fil-Partit Laburista fejn bosta nies ressqu ’l quddiem għall-fiduċja tad-delegati biex iservu fl-Amministrazzjoni u l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru temm jgħid li fl-għeluq tal-Konferenza Ġenerali fil-15 ta’ Settembru se nkomplu nagħtu sinjal qawwi ta’ Gvern li jrid ikompli jimplimenta l-manifest ‘Malta Flimkien’ u bih jindirizza l-prijoritajiet ta’ kulħadd.