“Ir-riformi kollha li wettaqna u għadna rridu nwettqu huma kollha favur is-sewwa u għall-ġid komuni.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’kollegament telefoniku fuq il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu, fejn tkellem dwar numru ta’ bidliet li Gvern Laburista wettaq sa din il-ġimgħa stess.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li numru ta’ xhur ilu, dan il-Gvern ta impenn ċar għas-settur tal-kostruzzjoni u sema’ dak li l-poplu qal b’mod ċar, li jrid standards konkreti f’dan is-settur.
Dr Abela tenna li snin ilu dan is-settur kien jaħdem mingħajr qafas ta’ regolamentazzjoni u kien għalhekk li dan il-Gvern tellaq proċess ta’ riformi biex din il-ġimgħa raw l-introduzzjoni ta’ servizz mingħajr ħlas għaċ-ċittadini li jitolbu għajnuna professjonali ta’ Avukat jew Perit għal dawk milquta mis-settur tal-kostruzzjoni u jeħtieġu jħarsu d-drittijiet tagħhom.
Fil-fatt il-Prim Ministru ħabbar li mill-aħħar jiem kemm ilu li ġie introdott dan is-servizz, wara dak tal-helpline 138, diġà daħlu diversi talbiet li qed jiġu evalwati.
“Biex inti tkun apprezzat bħala ċittadin bl-istess mod u bl-istess mod ta’ professjonalità mingħajr ma tħallas biex tkun tista’ tipproteġi l-proprjetà tiegħek u allura kwalunkwe sitwazzjoni ta’ dak li jkun jaqta’ qalbu, dik inidirzzajniha bl-introduzzjoni ta’ dan is-servizz. L-effettività tiegħu, ħa nagħti aħbar ċkejkna, fl-ewwel tliet ijiem minn mindu ġie imniedi dan is-servizz, kellek għoxrin talba biex persuni li huma affettwati b’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jirċievu dawn is-servizzi professjonali mingħajr ħlas.”
Il-Prim Ministru tenna li bil-kontra tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, dan il-Gvern jisma’ lin-nies u jimplimenta r-riformi li huma meħtieġa.
Sadanittant Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll riforma oħra li daħlet fis-seħħ propju mil-lum fejn l-Awtorità tad-Djar ingħatat iżjed saħħa biex tkompli tinforza.
Spjega li f’pajjiżna sfortunatament kellna sitwazzjoni li persuna jkollha appartament ta’ żewġt ikmamar tas-sodda u jikrieh għal tnax jew erbatax-il ruħ. Il-Prim Ministru tenna li dan mhuwiex aċċettabli u dan il-Gvern mhux se jkun qed jittolera dan it-tip ta’ abbuż.
“Kellna dan il-fenomenu ta’ over crowding. Indirrizajnih bil-qafas ta’ regolamenti u qafas ta’ infurzar b’saħħtu u għalhekk għal darba oħra li b’din l-inizjattiva li ħadna se nagħtu dejjem aktar vuċi b’saħħitha liċ-ċittadin onest filwaqt li noħolqu l-bilanċ fejn l-importanza tas-suq tal-kera ġewwa pajjiżna, issa dak is-suq ikun sostennibli u jkun sostennibli biss jekk jirrispetta d-drittijiet ta’ dawk kollha li jkunu impattati.”
Dr Abela rrefera wkoll għal riforma oħra li tidher ċkejkna iżda sinifikanti għan-nies.
Hawn irrimarka kif Gvern b’ruħ soċjali ma jridx jinsa lanqas persuna waħda u l-bidla fuq l-assessjar rigoruż għall-benefiċċji tad-diżabilità se tfisser li persuni b’diżabilitajiet moħbija jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tagħhom ukoll.
“Ġust ma’ kull min għandu dawn il-kundizzjonijiet sabiex naturalment ikun jista’ jingħata l-għajnuna li jkun ħaqqu. U għalhekk jekk tgħidli xi jfisser għalik il-Partit Laburista, Gvern b’qalb b’saħħitha tħabbat soċjalment li jindirizza dawn ir-realtajiet, il-governanza tajba u nkunu sodi kontra l-attakki insensati u inġusti imma li fl-aħħar mill-aħħar jiġifieri l-attakki tilqa’ għalihom imma l-politika ma tfissirx l-attakki, tfisser kemm inti kapaċi tagħmel ġid għan-nies f’qafas ta’ governanza tajba.”