Raġel li ħebb għal Uffiċjal tal-Pulizija waqt seduta fil-Qorti aktar kmieni din il-ġimgħa allegatament ma ngħatax trattament li kellu bżonn sakemm kien qed jinżamm arrestat, u riżultat ta’ dan sofra episodju kaotiku.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud intqal li r-raġel ħebb għall-Ispettur Kylie Borg wara li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest. Fil-Qorti l-Ħamis l-Ispettur Borg uriet ukoll tbenġil li għandhom jidhru fuq idha.
L-akkużat kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ vjolenza domestika, u sa mill-ħin tal-arrest kien qed jinsisti li m’għamel xejn ħażin u ma riedx imur il-ħabs. Meta tressaq il-Qorti t-Tnejn huwa akkuża lil missieru li huwa ‘bla qalb’, għaliex ried li ibnu jingħata l-għajnuna li kellu bżonn.
Jidher li l-Ispettur Borg issuġġerixxiet li dan jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli minflok fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u eżatt kif il-Qorti ma tatux il-ħelsien mill-arrest, l-akkużat infexx f’dagħdigħa ta’ tgħajjir fil-konfront tagħha qabel ma eventwalment ħebb għaliha. Hija żiedet tgħid li fost oħrajn għajjarha li trid tirrovinalu ħajtu, filwaqt li pponta lejn il-Maġistrat, u ddeskriviha bħala ‘krudili’.
L-akkużat eventwalment qaleb il-bank li kien bilqegħda fuqu u beda jhedded li se joqtol lill-Ispettur Kylie Borg. Hekk kif dan inżamm mill-Pulizija, qalilha ‘ridt noqtlok, imma naħfirlek’. Il-Ħamis xehed ukoll l-avukat Mario Mifsud, li dakinhar tal-każ, meta ra l-kommossjoni li nqalgħet bejn l-akkużat u l-Ispettur, intefa’ bejniethom biex jipproteġiha.
Missier l-akkużat, li wkoll xehed il-Ħamis, spjega li ibnu bħalissa qed jieħu mediċina apposta biex tnaqqas l-effett li dan kien qed jesperjenza minħabba li kien qed jieqaf mid-droga. Huwa qal ukoll li meta ibnu ma jieħux din il-mediċina, jintilef.
Huwa qal fil-Qorti li ibnu ma ngħatax dan it-trattament sakemm kien qed jinżamm arrestat u kellu lejl diffiċli. Hawnhekk allega li l-aggressjoni nbdiet fil-fatt mill-Ispettur Borg, hekk kif il-misser qal li din qabdet lil ibnu minn għonqu u ħabbtitu mal-ħajt.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-kbir għal din l-allegazzjoni, bil-Maġistrat Mifsud jgħid li se jsegwi filmati mill-awla qabel ma jasal għal konklużjoni. Hawnhekk żied jgħid li li persuna tkun taħt l-influwenza ta’ xi sustanza mhux skuża valida f’dan il-każ.
Id-Difiża rritaljat għal dan u qalet li l-akkużat mhux kriminal iżda marid, dikjarazzjoni li għaliha l-Qorti qalet li l-aggressur m’għandux għax jitqies bħala l-vittma.
Il-Qorti se tgħaddi deċiżjoni dwar dan il-każ nhar it-Tnejn li ġej.