Il-Qorti ħelset mill-arrest lil dak magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta, Jordan Azzopardi, b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 u bil-kundizzjoni li jiffirma fl-għassa.
Dan seħħ wara li s-sieħba tiegħu għamlet rapport lill-Pulizija wara li allegatament heddidha b’voice messages koroh u b’theddid ikrah ieħor, fosthom li jitfagħha mill-gallarija għal isfel. Barra minn hekk, waqt l-argument saħansitra beda jxejjer sikkina
Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa heddidha li din id-darba kienet se tkun waħda kbira, li kien se jqaxxrilha wiċċha u sidirha b’sempliċi €20 aċtu. Issemmew ukoll it-tfal tal-vittma, li ħadd minnhom ma huwa ta’ Azzopardi.
L-El Chapo allegatament hedded ukoll lis-sieħba tiegħu li juri filmat intimu lil uliedha ħalli jħossuhom imbarazzati l-iskola.
Wara li kkonsulta mal-avukat, huwa ġie interrogat iżda għażel li jibqa’ sieket. It-Tnejn, huwa tressaq il-Qorti mixli li hedded u insulta lit-tfajla tiegħu, beżżagħha, ippubblika filmat intimu tagħha bla permess, weġġagħha, u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Huwa wieġeb li mhux ħati tal-akkużi.
Minħabba n-natura tal-akkużi, il-każ kompla jinstema’ fil-magħluq. L-avukat tal-vittma qal li l-vittma tinsab lesta biex tixhed malajr.
L-Ispettur Audrey Micallef dehret għall-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca dehru għall-akkużat u l-avukat Matthew Xuereb irrapreżenta lill-vittma.